Saturday, November 23, 2024

Il-Belġju fil-quċċata tal-lista tar-rankings tal-FIFA għar-raba sena nfila

Aqra wkoll

Minħabba l-pandemi­ja tal-Covid-19, 352 logħbiet internazzjonali biss intlagħbu fl-2020. Mhux mill-1987 (323 partita) ma kienu ntlagħbu daqstant ftit logħbiet f’sena kalendarja. 

B’kun­trast, il-fooball tad- dinja patta għall-ħin mitluf fl-2021 b’rekord ta’ 1,116 partita milgħuba.

U filwaqt li l-kwantità ta’ logħob inbidlet radikalment minn sena għall-oħra, it-team fl-ogħla post tar-Rankings tad-Dinja FIFA/Coca- Cola baqa’ l-istess meta għar-raba’ sena konsekuttiva, il-Belġju temmew is-sena kalendarja fl-ewwel post, għalkemm bi ftit qabel il-Brażil b’2.1 punti. Franza għaqqdu l-podju għall-2021 meta spiċċaw it-tielet.

Intant l-ewwel 10 fil-klassifika bil-punti li spiċċaw is-sena bihom fil-parentesi huma: 1. Belġju (1828.45); 2. Brażil (1826.35); 3. Franza (1786.15); 4. Ingilterra (1755.52); 5. Arġentina (1750.51); 6. Italja (1740.77); 7. Spanja (1704.75); 8. Portugall (1660.28); 9. Danimarka (1654. 54); 10. Olanda (1653.72).

Fil-11-il post spiċċaw l-Is­tati Uniti u warajhom jiġu l-Ġermanja.

It-team Malti spiċċa post aħjar mis-sena ta’ qabel, mill-176 għal 175 b’warajh mill-Ewropa jiġu l-Moldova 181, Liechtenstein 191, Ġi­biltá 203 u San Marino l-aħħar, 210.

Min-naħa tagħhom, il- Kanada (40) huma l-‘iktar team li għamel titjib’ wara li kisbu xejn inqas minn 130.32 punt matul l-aħħar 12-il xahar. Il-vjaġġ tagħhom lejn is-semi-finali tal-Gold Cup tal-2021 kif ukoll riżultati impressjonanti fil-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar 2022 kienu fatturi ewlenin fiż-żieda tagħhom.

Ir-rebbieħa tal-Euro 2020 u l-Copa America 2021 rispettivament, l-Italja (is-sitta + 115.77 punti) u l-Arġentina (il-ħames + 108.51 punti), ukoll raw il-punti tagħhom jiżdiedu b’mod drammatiku din is-sena. L-istess jgħodd għall-Istati Uniti (11 + 103.51 punti) u l-Ingilterra (4 + 85.52 punti) kollha meta mqabbla ma’ Diċembru 2020.

Sport