Tuesday, May 14, 2024

“Minn dejjem kellu kapaċità straordinarja bil-ballun” – Ħu Diego Maradona

Aqra wkoll

Hugo Hernan Maradona twieled fil-belt Arġentina ta’ Lanus nhar id-9 ta’ Mejju 1969 u llum il-ġurnata għandu 52 sena. Huwa magħruf bħala El Turco u huwa ħu l-leġġenda Diego Armando Maradona. 

Fi żmienu kien jilgħab bħala player f’nofs il-ground fejn dar diversi pajjiżi u lagħab ma’ Argentinos Juniors (Arġentina), Ascoli (Italja), Rayo Vallecano (Spanja), Rapid Vienna (Vjenna) u Avispa Fu­kuoka (Ġappun) fost oħ­rajn. 

Il-livell tiegħu ma kienx xi wieħed eċċezzjonali bħal ta’ ħuh tant li rrappreżenta lil pajjiżu fil-livell ta’ Taħt is-16-il sena fejn lagħab 11-il darba u skorja erba’ goals. 

Fl-1999, huwa ddeċieda li jdendel iż-żarbun tal- football darba għal dejjem fl-etá pjuttost żgħira ta’ 30 sena. 

Minn hemm huwa dde­ċieda li jqatta’ madwar ħames snin għal kwiet f’belt twelidu sakemm, fis- sena 2004, huwa ġie ngaġġat minn Puerto Rico Islanders sabiex ikun il-coach tagħ­hom. Dan it-team kien jipparteċipa fl-ogħla diviżjoni tal-pajjiż fejn għamel sta­ġun magħhom.

Aktar tard, huwa ddeċieda li jwettaq dmiru ta’ coach mat-tfal u ż-żgħażagħ partikolarment fil-belt ta’ Napoli, il-post fejn ħuh Diego lagħab għal diversi snin.

Riċentement Hugo kien Malta fejn mexxa kamp ta’ taħriġ fi ħdan Qormi Football Nusery.

Filwaqt li faħħar il-faċi­litajiet li hemm fil-kumpless tal-football ta’ Qormi innota b’sodisfazzjon li minn dak li segwa, hemm uħud li għandhom talent.

Kif ħassejtek fl-ewwel żjara tiegħek f’Malta?

Nista’ ngħid li ħassejtni tajjeb ħafna. Il-Gżejjer Mal­tin huma verament sbieħ u bqajt impressjonat b’dak li rajt fil-ftit ġranet li qattajt hawn. 

Xtaqt li kieku kelli iktar żmien sabiex il-kamp ta’ taħriġ li kelli f’Ħal Qormi jkun effettiv iżda dawk kienu l-pjani. 

Ħadt gost ħafna nara t-tfal jilagħbu u jitħarrġu għax nemmen li dan hu l-futur tal-football Malti.

Rajt tfal u żgħażagħ b’entużjażmu kbir li riedu jitgħallmu iżda fuq kollox li taw il-mija fil-mija tagħ­hom waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ. 

Fuq kollox, xtaqt ħafna li nħarreġ tfal li ġejjin minn ambjenti familjari li joffru ċerti sfidi għax dawn ukoll ħaqqhom jilagħbu l-logħba li tant iħobbu.

Dan il-kamp ta’ taħriġ għandu jservi biex tfal fi ħdan in-nursery jkollhom l-ewwel esperjenzi ta’ taħ­riġ fuq linji professjonali.

F’din l-intervista ma nist­għux ma nsemmux lil ħuk, il-kbir Diego Armando Maradona. X’tiftakar dwaru u dwar il-logħba li tant kien iħobb?

L-ewwelnett jien iż-żgħir fost tliet ħuti. Diego kien il-kbir u ħija l-ieħor, il-fustani,  jismu Raul. 

Ħija l-kbir minn dejjem kien iffissat fuq il-football. Dejjem kont tarah bil-ballun u jien mill-ewwel in­dunajt li kellu xi ħaġa barra min-normal … minn etá żgħira kien straordinarju.

Kien kapaċi jdum idawwar il-ballun fuq saqajh għal numru ta’ minuti apparti li kien iwaqqfu fejn u kif irid hu. 

Jien ħadt ħafna mill-pariri tiegħu għalkemm qatt ma rnexxieli nilħaq il-livelli li laħaq hu. Niftakar sew iż-żmien meta lagħab ma’ Barcelona iżda wkoll dawk is-snin sbieħ ta’ Napoli fejn rebbaħ lill-club xi ħaġa li ħadd qatt ma rnexxielu jagħmel. 

Darba fost l-oħrajn lgħabna fl-istess team fil-belt Spanjola ta’ Granada proprju f’partita għall-karitá. Kienet xi ħaġa unika li għadni ngħożżha sal-lum il-ġurnata. 

Taħseb li għad ikun hemm werriet ta’ Diego, jew nis­tgħu ngħidu li player bħal Lionel Messi qed jimxi fuq il-passi tiegħu?

Jien naħseb li hemm differenza bejn ħija u Messi. Għalkemm it-tnejn kel­lhom karriera ta’ suċċess bir-rebħ ta’ diversi unuri, ħija Diego kellu ħafna teknika u mod uniku kif jilgħab bil-ballun. 

Lionel Messi hu iktar tattiku filwaqt li għandu viżjoni differenti minn dik ta’ ħija. Minkejja kollox, xorta ngħid li Messi huwa uniku, l-istess bħal ħija. Jien naraha diffiċli ħafna biex nikkumparahom.

X’taħseb dwar l-istaġun ta’ Napoli s’issa?

Napoli kellhom staġun ferm pożittiv s’issa fejn għamlu numru ta’ ġimgħat fl-ewwel post tal-klassifika. Irridu ngħidu li t-team mar tajjeb fl-ewwel parti tal-istaġun għalkemm xi episodji partikolari ftit għenu f’dawn l-aħħar ġim­għat. 

Fost l-oħrajn il-players imweġġgħin xejn ma għenu b’mod partikolari f’dawn l-aħħar jiem fejn hemm players fundamentali li jinsabu barra mil-logħob fosthom Laidou Koulibaly, Lorenzo Insigne, Mario Rui, Victor Osimhen u Fabian Pena. 

Bla dubju li AC Milan u Inter għandhom team kompetittiv u ma rridux nħallu barra lil Atalanta u fl-istess waqt ma narmix lil Juventus li wkoll ġejjin f’tagħ­hom dan l-aħħar.

Taħseb li Napoli kapaċi jirbħu l-UEFA Europa Lea­gue?

Jien nemmen li kapaċi jagħmluha minħabba li għandhom skwadra b’saħ­ħitha għalkemm irridu naraw kemm ix-xorti se tkun qed tidħkilhom u fuq kollox nittama li sa Marzu ċerti players li jinsabu barra … jkunu rkupraw.

Barra minn hekk hemm ukoll it-tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani fejn anke hawn il-players ukoll jistgħu jsofru xi injury u dan jaf jeffettwa l-istaġun.

Madankollu ntenni li nemmen fil-potenzjal ta’ dan it-team.

Kif rajtu jinbidel il-football miż-żmien meta kont tilgħab int għal dak tal-lum?

Jien nara li l-football baqa’ l-istess fl-istil kif jintlagħab. Forsi 

llum il-ġurnata hawn iktar pressjoni mill-players biex ikollhom wirjiet taj­bin aktar u aktar għax jit­ħallsu somom kbar ta’ flus.

Il-players qed jilagħbu football ibbażat fuq ġiri u inqas teknika. It-tattika qed tiddomina ħafna … bil- coaches jidhru li qed itejbu ħafna l-livell tagħ­hom.

Minkejja kollox, rajt titjib konsidervoli f’dawn l-aħħar snin fejn għandu x’jaqsam infrastruttura speċ­jalment għax fi żmienna konna nilagħbu fuq art iebsa li ġeneralment tkun taż-żrar. 

Illum il-wiċċ sintetiku huwa wieħed uniku u naqqas dik it-tbatija li ħafna bħali għaddejna minnha. 

X’tixtieq tgħidilhom lill- partitarji Maltin li jżommu ma’ Napoli?

Irrid ngħid li bqajt mis­tagħġeb li hawn numru sabiħ ta’ partitarji ta’ Napoli fil-Gżejjer Maltin. 

Għandek tgħid issib persuni li jappoġġjaw lil Par­tenopei f’kull rokna tad-dinja! 

Ovvjament jien nieħu din l-okkażjoni sabiex inħeġġiġhom dejjem jappoġġjaw lit-team favorit tagħhom. 

Madankollu rridu nemmnu li t-team kapaċi jirbaħ il-kampjonat u għalhekk is-sostenn tal-partitarji hu­wa importanti.

Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-football.

L-ewwelnett importanti li meta t-tfal u ż-żgħażagħ jilagħbu l-football, ikunu qed jieħdu pjaċir. Il-gost li tilgħab il-football huwa kbir immens. 

B’xorti ħażina qed ikun hemm sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri u xi kultant anke l-coaches ipoġġu pressjoni żejda fuq il-players iż-żgħar. 

Dan m’għandux ikun għax il-football huwa sensazzjoni ta’ pjaċir u s-sodisfazzjon tieħdu meta tara players jirnexxu għax ikun qed jilagħbu bil-qalb.

Sport