Waqt li komplew l-attakki aktar Ukreni, qed jitkellmu u juru dak li għaddej minnu pajjiżhom jew fejn qed jgħixu. Kienu diversi dawk l-Ukreni li kkummentaw ma’ Talk.mt, dwar l-aħħar bumbardamenti fejn iddeskrivew l-ispużjonijiet bħala li qishom terremot. “Sa ftit jiem ilu kienu jinstemgħu ‘lbogħod imma issa fl-aħħar sigħat, kull splużjoni qisha terremot”, qaltilna Ukrena li tinsab fi Kiev mal-familja tagħha. Tispjega li ħafna mill-ħin jgħadduh fil-basement u lmentat minn nuqqas ta’ ikel fosthom il-ħobż li jidher li skarsa sew.
“Ikel għandna. Ħsibna minn qabel. Li qed insibu nuqqas hu fejn jidħol il-ħobż. Dan qed ikun skars. Il-ħwienet, fejn soltu jkollhom il-ħobż, issa qed ikollhom xkaffi vojta”, tgħidilna din l-omm.
Eva, li hi Ukrena oħra li oriġinarjament hi minn Mariupol tgħid li “ma tissugrax toħroġ għax il-bumbardamenti huma kontinwi. F’xi ħin noħorġu ftit, anke biex nieħdu ftit arja. Kif idoqq ir-rejd, ikollna ċans biss 15-il minutà biex nistkennu. Il-belt fejn twelidt Mariupol hi imkissra. Kharkiv li tant inħobbha ukoll imkissra. Kiev, kont se nmur ngħix fiha, tinsab taħt l-attakki kontinwi. Ma nafx x’naqbad ngħid aktar. Jien nittama li dan il-kunflitt jieqaf malajr kemm jista’ jkun, biex nerġgħu nibnu l-Ukrajna mill-ġdid”.