Laqgħa uffiċjali bejn is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay u s-Sindku ta’ Ruma Roberto Gualtieri twitti t-triq għal relazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn iż-żewġ kapitali storiċi.
Pass importanti fir-relazzjonijiet bejn il-Belt Valletta u Ruma, hekk kif matul żjara uffiċjali fil-kapitali Taljana, is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, kellu laqgħa mas-Sindku ta’ Ruma, Roberto Gualtieri, bil-għan li jissaħħu r-rabtiet storiċi u jiġu esplorati opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministru għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja, E.T. Daniel Azzopardi, u s-Segretarju Permanenti Emil Vassallo.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq diversi sfidi komuni li jiffaċċjaw iż-żewġ kapitali, fosthom it-turiżmu sostenibbli, il-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali, l-aċċessibbiltà u l-ħtieġa li l-iżvilupp jibqa’ jirrispetta l-ħajja ta’ kuljum tar-residenti.
Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll il-possibbiltajiet ta’ ftehim formali ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġt ibliet, li jista’ jwassal għal aktar skambji kulturali, inizjattivi konġunti u kollaborazzjoni fuq proġetti ta’ interess komuni.
Is-Sindku Olaf McKay sostna:
“Dan huwa mument ta’ sodisfazzjon kbir għalija bħala Sindku tal-kapitali ta’ Malta. Il-Belt Valletta hija żgħira fid-daqs iżda kbira fl-istorja, fil-kultura u fl-identità tagħha. Li npoġġu l-Belt Valletta fuq l-istess mejda ma’ kapitali storika bħal Ruma huwa pass importanti biex nibnu relazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal opportunitajiet konkreti għall-komunità tagħna.”
McKay enfasizza wkoll li l-għan ta’ dawn ir-relazzjonijiet internazzjonali mhuwiex biss li jiġu ffirmati ftehimiet, iżda li jinħolqu opportunitajiet ta’ skambju.
“Il-kapitali tagħna għandha sfidi partikolari, speċjalment fejn tidħol l-aċċessibbiltà u l-ħarsien tal-wirt storiku. Irridu naqsmu l-esperjenzi ta’ bliet oħra, iżda fuq kollox irridu naraw kif dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jissarrfu f’kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Beltin. Il-Belt Valletta trid tibqa’ belt ħajja, fejn ir-residenti jħossuhom tassew parti mill-futur tagħha,” kompla McKay.
Laqgħa fl-Ambaxxata Maltija f’Ruma
Bħala parti mill-impenji uffiċjali tagħhom f’Ruma, is-Sindku McKay, flimkien mal-Ministru Alison Żerafa Civelli u s-Segretarju Permanenti Vassallo, żaru wkoll l-Ambaxxata Maltija, fejn iltaqgħu mal-Ambaxxatur Daniel Azzopardi u t-tim diplomatiku tiegħu.
Matul din il-laqgħa ġiet diskussa l-importanza li Malta tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-Belt Valletta u Ruma, partikolarment fl-oqsma tal-kultura, il-wirt storiku, it-turiżmu sostenibbli u l-opportunitajiet għal kollaborazzjoni istituzzjonali.
Is-Sindku McKay irringrazzja lill-Ambaxxatur u lit-tim kollu tal-Ambaxxata għall-professjonalità, id-dedikazzjoni u l-appoġġ kontinwu tagħhom sabiex dawn ir-relazzjonijiet jiġu żviluppati f’opportunitajiet konkreti.
“Il-ħidma diplomatika għandha rwol importanti ħafna biex tiftaħ bibien ġodda għall-bliet tagħna. Nirringrazzja mill-qalb lill-Ambaxxatur Daniel Azzopardi u lit-tim tiegħu għall-ħidma li wettqu biex dawn il-laqgħat setgħu jsiru. Din hija kollaborazzjoni li nixtiequ nkomplu nibnu fuqha,” sostna McKay.
L-Ambaxxatur Azzopardi, iddeskriva l-laqgħa bejn iż-żewġ Sindki bħala mument importanti, filwaqt li fakkar fir-rabtiet storiċi li jmorru lura għall-1566, meta l-Papa Piju V ta sostenn importanti għall-bini tal-kapitali l-ġdida ta’ Malta.
B`ħarsa lejn il-futur, fost it-temi diskussi mas-Sindku Roberto Gualtieri kien hemm il-ħtieġa li l-bliet storiċi jsibu bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku, it-turiżmu u l-protezzjoni tal-komunitajiet.
Dawn huma sfidi li kemm Ruma kif ukoll il-Belt Valletta jiffaċċjaw, minkejja d-differenza fid-daqs u fil-popolazzjoni tagħhom.
Matul il-laqgħa, McKay estenda wkoll stedina uffiċjali lis-Sindku ta’ Ruma biex iżur il-Belt Valletta, bil-għan li jitkompla d-djalogu u jiġu identifikati oqsma speċifiċi għal kollaborazzjoni futura.
Il-possibbiltà ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ kapitali tista’ tiftaħ opportunitajiet ġodda għal skambji kulturali, proġetti edukattivi, inizjattivi ta’ sostenibbiltà u esperjenzi fejn jidħlu bliet storiċi.
Din il-laqgħa tista’ għalhekk tkun il-bidu ta’ kapitlu ġdid fir-relazzjonijiet bejn żewġ kapitali, magħqudin minn storja ta’ sekli sħaħ, iżda b’ħarsa komuni lejn il-futur.
Għall-Belt Valletta, l-għan jibqa’ li l-preżenza internazzjonali tagħha tkompli tissaħħaħ, filwaqt li kull opportunità ġdida tiġi tradotta f’benefiċċji konkreti għar-residenti u għall-ġenerazzjonijiet futuri.
