Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Dr Jonathan Attard flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) l-Perit Roderick Bonnici ġew preżentati b’mudell 3D ddisinjat minn student tal-Malta Visual and Performing Arts School.
L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se tkun qed tniedi kampanja edukattiva permezz tal-karattru ‘Nestu n-Nemlu’. Dan il-karattru hu frott ta’ kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u l-iskola.
Il-Ministru Attard tkellem dwar it-twaqqif tal-BCA u l-mod ta’ kif żdiedu r-riżorsi biex ikomplu jogħlew l-istandards. Spjega dwar pjan ta’ kif bdew jittieħdu deċiżjonijiet u jiġu implimentati r-riformi meħtieġa.
“Mit-twelid ta’ Awtorità ġdida għal investiment fiha b’mod speċjali fejn tidħol ir-riżorsa umana, biex fl-aħħar ftit snin twettqu diversi tibdiliet fosthom emendi leġiżlattivi, introduzzjoni ta’ helpline 24 siegħa kuljum għal dak kollu relatat mas-Saħħa u s-Sigurtà u l-Kostruzzjoni, assistenza Professjonali bla ħlas għal dawk affettwati, Liċenzjar ta’ dawk li jaħdmu fis-settur u fil-jiem li ġejjin servizz ġdid ta’ assistenza finanzjarja għal ħsarat mill-kostruzzjoni”.
Il-Ministru tkellem dwar diskussjoni kontinwa mal-istakeholders fis-settur. Tkellem fost l-oħrajn dwar il-ħidma u l-kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Periti fir-rigward tal-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, pass ieħor importanti biex ikompli l-proċess regolatorju fis-settur.
Dr Attard temm jirringrazzja lit-tmexxija tal-iskola għal din il-kollaborazzjoni, filwaqt li awgura lill-istudenti kollha li pparteċipaw, b’mod speċjali lir-rebbieħ tal-kompetizzjoni Jamie Casha.
Minn naħa tiegħu l-istudent rebbieħ qal li meta beda jaħseb fuq dan is-suġġett kellu diversi ideat iżda li fl-aħħar għażel lin-nemlu bħala insett assoċjat ma’ ċertu saħħa bħalma għandhom bżonn dawk li jaħdmu fuq il-lant tax-xogħol. Huwa assoċja l-idejn tan-nemlu mal-ħtieġa tas-sengħa biex il-bennej juża fix-xogħlijiet bid-diversi għodod li jkollu bżonn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, tkellem dwar id-diversi karrieri u snajja’ fil-qasam tal-kostruzzjoni. Qal kif il-karattru ta’ Nestu n-Nemlu għandu l-għan li jippromwovi dawn il-karrieri fost it-tfal u kif ukoll jeduka lill-pubbliku dwar diversi elementi marbuta mas-settur tal-kostruzzjoni. Huwa tenna kif permezz ta’ dan il-karattru mistenni jiżdied l-apprezzament lejn il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Kap tal-Malta Visual and Performance Arts School Dame Marita Abdilla Bezzina qalet kif din il-kollaborazzjoni ġabet flimkien żewġ Ministeri li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin, madankollu ikkollaboraw flimkien għal għan wieħed edukattiv. Min-naħa tagħha hija rringrazzjat lill-BCA, li rregalat 3D Printer lill-iskola li se jkun qed jgħin lill-istudenti fl-istudji u x-xogħol tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Thomas Moore, George Psaila, tenna l-impenn tal-Kulleġġ u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni f’kollaborazzjonijiet varji. Apparti l-kollaborazzjoni marbuta ma’ Nestu n-Nemlu, huwa sema kollaborazzjoni oħra fejn l-Awtorità qed tagħti l-għajnuna tagħha lill-programm ALP+ li hu ddisinjat għal studenti li jieħdu t-triq vokazzjonali fil-karriera tagħhom.
Preżenti għal din l-attività kien hemm preżenti wkoll iċ-Chairman tal-bord tal-BCA l-Perit Simon Saliba, rappreżentanti oħra tal-awtorità, għalliema u ġenituri tal-istudenti li pparteċipaw.
