Malta u t-Turkija jkomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni fil-qasam tas-saħħa

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva, Deo Debattista, akkumpanja delegazzjoni Torka mmexxija mid-Deputat Ministru tas-Saħħa tar-Repubblika tat-Turkija, Şuayip Birinci, waqt żjara fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Din iż-żjara saret fit-tieni u l-aħħar jum taż-żjara uffiċjali tad-delegazzjoni Torka f’Malta, bil-għan li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tas-saħħa.

Matul iż-żjara, id-delegazzjoni kellha l-opportunità li ssir taf aktar dwar il-faċilitajiet u s-servizzi mediċi offruti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, filwaqt li sar skambju ta’ esperjenzi u għarfien dwar l-investiment u l-iżvilupp kontinwu tas-servizzi tas-saħħa.

Is-Segretarju Parlamentari Debattista saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni internazzjonali u l-iskambju tal-għarfien sabiex ikomplu jitjiebu s-servizzi mediċi.

“Matul iż-żjara f’Għawdex mad-delegazzjoni Torka, kellna l-opportunità li nippreżentaw il-faċilitajiet u s-servizzi mediċi offruti f’pajjiżna, kif ukoll l-investiment kontinwu li qed isir biex titjieb il-kwalità tal-kura u s-servizzi mogħtija lill-pazjenti. Din iż-żjara serviet ukoll bħala pjattaforma għall-iskambju ta’ għarfien, esperjenzi u prattiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, bil-għan li nkomplu niżviluppaw u nsaħħu s-sistemi tas-saħħa tagħna għall-benefiċċju tal-pazjenti,” qal Dr Debattista.

Din iż-żjara temmet programm uffiċjali ta’ jumejn li matulu ġew diskussi diversi aspetti tas-settur tas-saħħa, b’enfasi fuq it-tagħlim reċiproku, l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn Malta u t-Turkija sabiex ikomplu jitjiebu s-servizzi mediċi għall-benefiċċju tal-pazjenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport