Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali, u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti indirizza Business Breakfast li mmarka t-30 anniversarju tal-Malta Business Bureau (MBB). L-attività laqqgħet rappreżentanti tal-Gvern, tal-industrija u msieħba soċjali biex jiddiskutu l-prijoritajiet għal negozji Maltin aktar kompetittivi u reżiljenti fis-Suq Uniku Ewropew.
L-MBB, li għandu bħala organizzazzjonijiet imsieħba l-Malta Chamber u l-Malta Hotels and Restaurants Association, jgħin biex il-ħtiġijiet tan-negozji Maltin jitressqu quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej. Din il-ħidma tikkontribwixxi biex l-isfidi tal-intrapriżi Maltin jiġu kkunsidrati sa mill-istadji bikrin tat-tfassil tal-politika u tal-leġiżlazzjoni Ewropea.
Il-business breakfast offra wkoll opportunità biex issir riflessjoni dwar kif inbidlu l-ħtiġijiet tan-negozji matul dawn it-tliet deċennji. Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq il-prijoritajiet għall-ġejjieni, fosthom l-innovazzjoni diġitali, l-adattament għal rekwiżiti ambjentali u l-ħtieġa li l-politika Ewropea tqis il-kundizzjonijiet speċifiċi li joperaw fihom in-negozji fil-gżejjer.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti faħħar il-ħidma tal-MBB bħala wieħed mill-imsieħba tal-Gvern u tal-industrija, li permezz tal-ħidma tiegħu f’pajjiżna u fi Brussell jgħaqqad ir-realtajiet tan-negozji Maltin mal-proċess tat-tfassil tal-politika Ewropea. Huwa tenna li l-Gvern kommess li jkompli jappoġġja lin-negozji, kif ukoll li jassigura li l-ambizzjonijiet Ewropej jissarrfu f’soluzzjonijiet prattiċi li jagħrfu r-realtajiet tan-negozji ta’ pajjiżna, speċjalment dawk żgħar u medji, u jingħataw l-għodod biex jikkompetu, jinnovaw, u jirnexxu.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MBB Raphael Aloisio qal li permezz ta’ impenn proattiv u bikri fuq inizjattivi ewlenin tal-UE, il-Malta Business Bureau qed tkompli tagħti valur lill-komunità tan-negozju Maltija. Dan qed tagħmlu b’kollaborazzjoni aktar wiesgħa ma’ federazzjonijiet Ewropej u mar-rappreżentanti ta’ Malta fi Brussell.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MBB Mario Xuereb qal li din is-sena l-MBB ħadmet minn kmieni biex tassigura li l-interessi tan-negozju u l-industrija f’Malta jkunu riflessi fl-Istrateġija dwar il-Gżejjer tal-UE, kif ukoll fl-emendi mressqa bħala parti mir-riforma tal-Emissions Trading System (ETS). Huwa rringrazzja lill-Gvern, lil The Malta Chamber of Commerce u lill-Malta Hotels and Restaurants Association għall-appoġġ kontinwu tagħhom, filwaqt li wiegħed aktar ħidma għall-kapitlu li jmiss.
