Huwa previst li n-nefqa tal-Gvern fuq il-benefiċċji soċjali għal din is-sena se tkun żdiedet b’aktar minn €100 miljun. B’hekk, l-2023 jidher li se tkun waħda rekord f’dik li hija għajnuna u benefiċċji soċjali.
Sostna dan is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, is-Sur Mark Musù, f’kummenti li ta lil dan is-sit b’rabta mal-aħħar statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li wriet kif fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, il-Gvern investa kważi €360 miljun f’benefiċċji soċjali, li jfisser żieda ta’ €25 miljun jew 7.5% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Is-Sur Musù nnota li bejn Jannar u Marzu tal-2023 kien hemm żieda ta’ €16-il miljun f’dawk li huma benefiċċji kontributorji filwaqt li kien hemm żieda ta’ €9 miljun fil-benefiċċji mhux kontributorji.
“Jekk nieħdu l-benefiċċji mhux kontributorji, iż-żidiet kienu primarjament fiċ-children’s allowance, fl-in-work benefit u fl-assistenzi soċjali. F’dawn l-ewwel tliet xhur, kull familja ras għal ras rat żieda fiċ-children’s allowance ta’ madwar €30.
“Jekk imbagħad tara l-assistenzi soċjali minkejja li persuni li jiddependi fuqhom qed jonqsu bis-saħħa ta’ diversi miżuri li ddaħħlu fl-aħħar snin xorta wieħed jista’ jinnota qabża sostanzjali fid-dħul ras għal ras.
“Fl-in-work benefit, iż-żieda hi primarjament minħabba l-fatt li lejn l-aħħar tas-sena l-oħra għamilna bidla kbir fil-mod ta’ kif jiġi proċessat dan il-benefiċċju fejn issa qed nagħmlu dan bi proċess awtomatiku, allura dan żied sostanzjalment in-numru ta’ benefiċjarji, u minn 6,000 telgħu għal aktar minn 22,000,” tenna s-Segretarju Permanenti Musù.
Min-naħa l-oħra, f’dawk li huma pensjonijiet kontibutorji, huwa nnota li l-akbar żieda kienet irreġistrata fil-pensjonijiet tal-irtirar.
Fuq nota differenti staqsejna lis-Segretarju Permanenti Musù dwar il-miżuri li ġew implimentati matul din is-sena. Huwa qal li l-miżuri tal-budget għall-2023 kważi ġew implimentati kollha. Baqa’ żewġ miżuri relatati mal-ħlas ta’ kumpensi għal anomaliji tal-passat, li jsiru f’Novembru.
“Bħala Ministeru, bħalissa wasalna f’rata ta’ implimentazzjoni ta’ 91%. F’Novembru nkunu lħaqna l-100%. Dwar il-manifest diġa’ qbiżna r-rata ta’ 40% bħala implimentazzjoni. Issa għaddejjin b’ħafna xogħol relatat mal-proposti li jkunu se jsiru għall-Budget 2024 fejn ix-xogħol huwa wieħed avvanzat. Imbagħad ikun imiss l-iskrutinju politiku tal-proposti li se jsiru,” tenna is-Sur Musù.