Thursday, December 26, 2024

Il-benefiċjarji tal-invalidità b’ċifri rekord fi żmien gvern PN

… rapport li ma kienet ittieħdet l-ebda azzjoni

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem reġa’ beda jitfattċċa fix-xena politika l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Lawrence Gonzi f’dik li tqieset bħala manuvra fi stat ta’ paniku biex tpatti għad-dgħufija tal-Kap attwali Bernard Grech. Dan joħroġ minn numru ta’ reazzjonijiet b’rabta mas-sitwazzjonijiet politiċi li jkunu għaddejjin fejn fl-aħħar sigħat huwa kiteb “rnexxielkom tirrovinaw anke dan l-att ta’ solidarjetà tal-poplu Malti lejn min hu l-aktar dgħajjef, għax b’għemilkom biddiltuh f’att ta’ frodi – dan kollu biex tirbħu l-voti” b’rabta mal-allegati abbużi tal-invalidità.

Madanakollu f’rapport dettaljat ippubblikat fil-gazzetta KullĦadd ġie żvelat kif ċifri uffiċjali u pubbliċi jikkonfermaw li fil-perjodu bejn l-2000 u l-2006, li inkludi l-Elezzjoni Ġenerali tal-2003, kien hemm żieda fenomenali ta’ persuni – medja ta’ 540 kull sena – li kienu qed jiddikjaraw li ma jistgħux jibqgħu jaħdmu u allura applikaw għall-Pensjoni tal-Invalidità. Jirriżultala li ħafna minnhom lanqas biss kienu jagħmlu test quddiem bord mediku, kif inhu obbligatorju, u minflok kienu jiġu pprovduti b’kollox lest iffalsifikat biex jagħmluhom eliġibbli għal dan il-benefiċċju.

L-istess rapport juri ċ-ċifri tal-persuni li kienu jieħdu l-benefiċċju u kif dawn telgħu b’mod inkontrollabbli bejn l-1993 u l-2006 biex minn 4,365 persuna kważi rduppjaw għal 9,491. Dan kollu beda fiż-żmien li fih l-istess Lawrence Gonzi kien Ministru għall-Politika Soċjali u ċ-ċifri baqgħu jiżdiedu wara li hu sar Prim Ministru fl-2003 wara l-irtirar ta’ Eddie Fenech Adami.

Mhux biss, sal-Elezzjoni tal-2008, li ntrebħet minn Gonzi bi ftit aktar minn 1,500 vot, l-għadd ta’ persuni jirċievu Pensjoni tal-Invalidità kien ta’ iżjed minn 8,400. Filwaqt li l-istess Gonzi allega li l-gvern Laburista kien qiegħed jerbaħ il-voti minn dan l-allegat skandlu, illum li żdiedet l-popolazzjoni u l-ammont ta’ persuni fid-dinja tax-xogħol, l-ammont ta’ persuni li jirċievu dan il-benefiċċju jinsab fl-inqas livell qatt irreġistrat biex is-sena li għaddiet kien ftit inqas minn 3,000.

Meta l-problema kienet saret tant kbira, kienet ġiet f’Malta delegazzjoni mid-dipartiment responsabbli mill-benefiċċji soċjali tal-Gvern Awstraljan, imsejjaħ Centrelink, fil-bidu tal-2006 minħabba li din kienet qed taffettwa lilhom direttament. Dawn kienu esprimew dubji kbar dwar kif kienet issir l-evalwazzjoni medika tal-applikanti, partikolarment dawk li kienu jaqgħu wkoll taħt il-benefiċċju tal-inkapaċità (Incapacity Benefit) Awstraljan, skont ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi. L-Awstraljani spiċċaw heddew lil Malta li, jekk mhux se jittieħdu passi minnufih, kienu se jissospendu l-ftehim bilaterali u jneħħu minnu klawżola speċifika biex Maltin li għexu l-Awstralja, iżda rritornaw f’arthom, ma jkunux jistgħu jibqgħu jirċievu l-ħlasijiet mill-Gvern Awstraljan.

Il-gazzetta żvelat ukoll kif fl-iskandlu taħt gvern Nazzjonalista kien hemm saħansitra involuti uffiċjali mill-istess dipartiment tas-sigurtà soċjali li allegatament kienu nqabdu jiffalsifikaw rapporti li sippost jimtlew mit-tobba.

Il-każ kien ġie riferut lill-Pulizija fl-2006, b’informazzjoni dettaljata dwar persuni involuti, inklużi wħud qrib ħafna tal-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, waqt li saru allegazzjonijiet dwar persuni oħrajn li kienu qed iservu ta’ intermedjarji, li jitħallsu biex jgħinu lill-persuni jiffrodaw lid-dipartiment. Minkejja dan, jirriżulta li l-Pulizija, dak iż-żmien immexxija mill-Kummissarju George Grech, ma kienet interrogat lil ħadd u wisq inqas ħadet xi passi. 

Sadanittant b’rabta mal-allegati abbużi tal-lum, li ġew irrapportat lill-Pulizija s-sena l-oħra, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ħabbar it-twaqqif ta’ bord indipendenti, li se jkun immexxi mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi. Minkejja sistemi b’saħħithom diġà eżistenti kontra kull tip ta’ abbuż, il-Gvern ħass li għandu jkun hemm evalwazzjoni tal-proċessi biex dawn ikunu msaħħa fejn hu meħtieġ.

Ekonomija

Sport