Saturday, October 26, 2024

Il-biċċerija se tiġi mgħammra b’700 solar panel

Aqra wkoll

Investiment ta’ madwar €8 miljun f’ħames snin – se jitwaqqaf għalkollox l-użu tal-heavy fuel oil fil-biċċerija

Il-Biċċerija Pubblika kienet kruċjali għall-provvista tal-ikel f’pajjiżna matul il-Covid-19” – il-Prim Ministru Robert Abela

Matul dawn l-aħħar 5 snin, il-Gvern wera biċ-ċar il-viżjoni u l-fiduċja qawwija li għandu fil-prodott Malti billi investa madwar €8 miljuni fil-Biċċerija Pubblika tal-Marsa. L-investiment matul dan il-perjodu kien jinkludi madwar 60 proġett differenti f’xogħol ta’ tiġdid u rinnovar sabiex il-Biċċerija nbidlet għal faċilità li llum hija xempju ta’ kwalità tal-produzzjoni agrikola Maltija.

Dan sostnih il-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara fil-Biċċerija fil-Marsa flimkien mal-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u li matulha ħabbar aktar investiment li permezz tiegħu se nintroduċu teknoloġiji moderni li jużaw inqas enerġija.

Fil-fatt il-Gvern se jagħmel investiment sostanzjali biex ittejjeb l-effiċjenza fil-proċess u jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-produzzjoni. Dan jinkludi investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro f’sistema magħmula minn madwar 700 pannella solari biex tiġi mmassimizzata l-produzzjoni tal-elettriku fl-inqas spazju possibbli.

Minbarra dan il-Prim Ministru ħabbar ukoll li bħala parti mill-viżjoni tal-Gvern li nagħmlu lil Malta carbon-neutral sal-2050,  il-Biċċerija Pubblika se tinvesti fi proġett importanti ieħor li se jwaqqaf għalkollox l-użu tal-heavy fuel oil. 

Il-Prim Ministru nnota li l-Biċċerija f’Malta hija prattikament l-unika biċċerija għall-produzzjoni tal-laħam aħmar. Għalhekk qal li hija integrali fil-proċess ta’ produzzjoni u provvista’ ta’ laħam frisk f’Malta. 

Waqt li rringrazzja l-ħidma sfiqa tal-ħaddiema fil-Biċċerija, Dr Abela qal li r-relevanza u l-importanza ta’ din il-faċilità esperjenzajniha fix-xhur li għaddew hekk kif il-biċċerija żgurat il-provvista kontinwa ta’ laħam abbażi tal-fatt li l-provvista minn barra kienet inqas kontinwa minħabba l-lockdowns f’pajjiżi differenti minħabba l-Covid-19.

Il-Ministru Refalo qal li l-investiment fil-Biċċerija jinkwadra ruħu fil-ħidma tal-Ministeru biex iseddaq l-effiċjenza u l-kwalità tal-prodott agrikolu Malti. Huwa spjega li l-investiment fis-sistema ta’ pannelli fotovoltajċi mistennija tnaqqas il-konsum tal-elettriku fil-Biċċerija b’terz, u jkopri id-domanda massima fil-parti l-kbira tal-ġurnata.

Huwa żied jgħid ukoll li l-Biċċerija tinsab fil-proċess biex it-tisħin tal-ilma fil-biċċerija ma jibqax isir aktar bil-heavy fuel oil, li huwa l-agħar tip ta’ fuel fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, iżda mmorru għal sistema li se tnaqqas sostanzjalment l-emissjonijiet fl-arja.

Qal li għalhekk qed tiġi kkummissjonata sistema ibrida li se tgħaqqad solar water heaters u boilers tal-gass minflok sistema ta’ tisħin tal-ilma bbażata fuq boilers antiki li jaħdmu bl-HFO.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Biċċerija Pubblika Emmanuel Schembri rringrazzja b’mod speċjali l-impenn tal-ħaddiema, li bi flessibilità għenu biex l-operat jibqa’ għaddej anki matul xogħol infrastrutturali li kien u għadu qiegħed isir. Is-Sur Schembri stqarr ukoll li l-iġene u l-kwalità hija ta’ importanza qawwija għat-tim tal-post sabiex il-konsumatru jkollu l-aqwa prodott possibbli.

Sport