Wednesday, December 25, 2024

IL-BIDLA FIL-KLIMA… BŻONN SFORZ MINN KULL WIEĦED U WAĦDA MINNA

Aqra wkoll

Bħalma s-sena li għaddiet kemm waqt is-sajf u anke fix-xhur ta’ wara qamet diskussjoni dwar it-temp li kien qiegħed jolqot żoni diversi inkluż lil pajjiżna, din is-sena ukoll issa  għaddejja diskussjoni dwar il-fenomeni li ġew esperjenzati fis-sajf fejn tidħol il-klima. Ftit passi bogħod minna proprju fit-Tramuntana, rajna kif għargħar u valangi għamlu ħerba f’diversi żoni.

Rajna xeni tal-biża b’karozzi jinġarru mill-ilmijiet u nies fuq il-bjut jitolbu l-għajnuna biex jiġu evakwati minn djarhom.  Postijiet fir-reġjun tal-Emiglia Romagna spiċċaw jgħixu l-mumenti koroh ta’ sena u nofs ilu męta dakinhar il-maltemp kien ukoll għamel ħerba u ħalla xejn inqas minn 17-il persuna mejta. Id-dannu li kien seħħ dakinhar kien intqal li hu ta’ madwar €9 biljuni.

Fix-xhur tas-sajf b’mod partikolari f’Lulju rajna kif għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja kienu qegħdin jitħabtu biex ilaħħqu mad-domanda li dejjem qiegħda tikber għal provvista tal-elettriku. Rajna pajjiżi bħall-Kuwajt jesperjenzaw qtugħ ta’ dawl minħabba s-sħana estrema.

Fl-Ekwador kien hemm ħsarat fl-infrastruttura waqt li għadd ta’ pajjiżi bdew jiffaċċjaw sfidi marbutin mad-distribuzzjoni tal-elettriku. Diversi pajjiżi esperjenzaw qtugħ fil-provvista. Dawn kollha b’mod jew b’ieħor bdew jiġu marbutin mal-klima u l-bidla fil-klima u beda jingħad  li dawn kienu qegħdin iseħħu minn mewġiet ta’ sħana estrema. 

Is-sitwazzjoni għas-snin li ġejjin hi waħda ta’ sfida kbira mhux biss minħabba li t-temperaturi għoljin se jibqgħu iseħħu imma għax anki id-domanda għall-elettriku mistennija tiżdied b’mod qawwi ħafna u l-previżjoni huma li sa 2040, id-domanda għall-elettriku tirdoppja.  Pajjiżna ukoll intlaqat minn dawn l-isfidi. Pajjiżna ukoll għandu l-isfida marbuta mad-domanda għall-enerġija li dejjem qegħdin nara żieda.

Il-bidla fil-klima mhix xi ħaġa li jista’ jitrattaha xi pajjiż wieħed. Trid tkun sforz globali. Sfida kbira għax minkejja dak li qegħdin naraw jiġri madwarna u anke lbogħod minnha, jibqa’ l-pressjonijiet kbar ta’ korporazzjonijiet b’saħħithom b’mod partikolari fejn tidħol l-industrija taż-żejt.  Minkejja dan kull pajjiż għandu jagħmel il-parti tiegħu. 

L-istrateġija tal-Unjoni Ewropa hi dik li tiddekarbonizza l-kontinent sal-2050. It-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-karbonji huwa kruċjali biex jiġu evitati riskji ambjentali oħra. Madankollu, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima waħedha mhix biżżejjed. L-ambjent jeħtieġ saffi addizzjonali ta’ skrutinji sabiex jipproteġi l-bnedmin, kif ukoll ekosistema b’saħħitha, u negozji sostenibbli. 

Bħala poplu u magħna popli oħra ma nistgħux noqogħdu nistennew lill-Istat jagħmel il-parti tiegħu u aħna noqogħdu gallarija. Kulħadd irid jagħmel il-parti żgħira tiegħu. Biċċa żgħira minn kulħadd, il-gwadann ikun wieħed qawwi.  Ovvjament dan jeħtieġ bidla fil-mentalità. Hi sfortuna li fostna għad għandna ħafna li mhux lesti jagħtu l-biċċa żgħira tagħhom.

Naraw b’mod kontinwu din. Ibda mit-trasport. Għandna trasport pubbliku bla ħlas. Azzjoni li tfisser miljuni ta’ Ewro fis-sena f’sussidju. Minkejja dan jibqa’ jkollna min jagħżel li dan is-servizz ma jużahx. Jibqa’ jkollna min jirreżisti li jirkeb it-trasport pubbliku. Riżultat ta’ dan hu imbagħad il-konġestjonjiet tat-traffiku. 

Irridu naraw bħala pajjiż għaliex għandna dawn is-sezzjonijiet sħaħ ta’ nies li qed jibqgħu ma jużawx it-trasport pubbliku. Irridu naraw x’qed iżommhom il-bogħod minn dan is-servizz.  Mentalità li minħabba fiha imtlejna bil-karozzi fit-toroq. Karozzi li llum joħolqu problema  kullimkien, kemm f’dak li huma konġestjonijiet, tniġġiż u fuq kollox il-problema kbira tal-parkeġġi.  Għaliex biex inmorru f’żona fl-istess raħal jew belt irridu naqbdu l-karozza privata?  Din hi l-mentalità li hemm bżonn tinbidel f’pajjiżna. 

Jekk nieħdu l-iskart, tqum il-mistoqsija kemm qegħdin nippruvaw innaqqsu l-iskart.  Kemm qegħdin nirriċiklaw?   L-istess fejn tidħol id-domanda għal enerġija. Kemm qegħdin naraw li nnaqqsu l-konsum jew aħjar il-ħela? Hu fatt li llum f’pajjiżna għandna kontijiet tad-dawl b’rati meqjusin irħas mill-poplu tagħna u dan għal xi wħud ifisser li jista’ jaħli.  Ma nistgħux ninsew li l-ħela minn ħafna tfisser domanda akbar għall-enerġija. 

Anki fejn jidħol l-użu tal-ilma. X’edukazzjoni qiegħda ssir fost il-poplu tagħna biex nibżgħu għall-ilma. Għadek spiss tara min jaħli l-ilma, l-aktar meta xi ħadd jaħsel barra b’pajp bl-ilma ħiereg. Ma ninsewx li pajjiżna matul is-snin għamel investimenti kbar fejn tidħol il-provvista tal-ilma. 

Illum pajjiżna għandu biss 40 fil-mija mill-provista tal-ilma li ġejja mill-ħażna ta’ l-ilma ta’ taħt l-art. Dan sar għax pajjiżna kien innovattiv u anke issa għal ‘desalination plant’ wieħed għandna tnejn. Dan iżda ma jfissirx li għandna naħlu, għax il-ħela fl-ilma tfisser aktar enerġija elettrika. 

Nemmnu li hemm bżonn kampanji ta’ edukazzjoni kontinwi fost il-poplu tagħna. Kampanji li juruh kif jista’ verament jikkontribwixxi biex jgħin l-ambjent. Il-poplu ma jistax jibqa’ spettatur. Ma jistax jibqa’ jħares mill-mod. Irid ikun parti mill-isforz. Biex dan iseħħ irid ikun mgħarraf. Irid ikun infurmat.

Dan biex maż-żmien tinbidel il-mentalità. Dan flimkien mal-fatt li wasal iż-żmien li f’dan pajjiżna jibda jittieħdu miżuri  li jindirizzaw ċerti problemi li qegħdin joħolqu dannu lill-ambjent tagħna, miżuri li finalment iwasslu biex il-poplu tagħna jibda juża sistemi li bihom jkun qed jgħin l-ambjent u jkun qed jgħin inaqqas l-emissjonijiet. 

Ekonomija

Sport