Saturday, September 28, 2024

Ir-riskju ta’ kanċer tal-pulmun mir-radjoterapija jirdoppja għal pazjenti bil-kanċer tas-sider li jpejpu

Aqra wkoll

Riċerka internazzjonali sabet li pazjenti bil-kanċer tas-sider li jkomplu jpejpu wara li jieħdu l-kura, fosthom “ir-radiotherapy” huma f’riskju ferm ogħla li t-trattament tagħhom jikkawżalhom kanċer tal-pulmun fil-futur.

Ir-‘radiotherapy’ tnaqqas ir-riskju li l-kanċer tas-sider jerġa’ jfeġġ wara t-trattament, iżda l-perikli tagħha jinkludu riskju ogħla ta’ mwiet minn mard tal-qalb jew kanċer tal-pulmun.

Il-kanċer tas-sider huwa l-aktar kanċer komuni fir-Renju Unit, b’56,400 każ ġdid kull sena u jolqot l-aktar lin-nisa. Huwa stmat li kull sena jmutu madwar 11,500 persuna kawża tal-kanċer tas-sider, medja ta’ 32 persuna kuljum.

L-istess riċerka turi li l-pazjenti bil-kanċer tas-sider li ma jpejpux għandhom riskju ta’ inqas minn 1% li r-‘radiotherapy’ twassal direttament biex jiżviluppa kanċer tal-pulmun fis-snin ta’ wara. Min-naħa l-oħra, dawk li jpejpu meta jiġu kkurati u ma jiqfux wara, ir-riskju għalihom ikun bejn 2% u 6%.

Din ir-riċerka saret fir-Renju Unit, immexxija minn professur tal-onkoloġija fl-Università ta’ Oxford, Carolyn Taylor. L-istudju tagħha huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li qed isir fir-Renju Unit. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport