Jonathan Dingli jirriżenja minn kunsillier tal-PN u se jibqa’ indipendenti
Is-sitwazzjoni intensa li hemm fil-Partit Nazzjonalista b’diversi fazzjonijiet jiġġieldu bejniethom anke fl-apert u bit-tmexxija Nazzjonalista preżenti ftit li xejn qed taġixxi biex tikkalma l-ilmijiet ma’ dawk li jridu jikkontribwixxu imma jħossuhom ‘maħnuqin’, qed twassal biex aktar attivisti jħabbru li rriżenjaw mill-istess Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar sigħat kien il-kunsillier Nazzjonalista fl-Imqabba, Jonathan Dingli li ħabbar li rriżenja minn mal-Partit Nazzjonalista iżda qal li se jibqa’ kunsillier indipendenti. Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista meta tkellmu ma’ Talk.mt qalulna li “dak li kien qed jgħaddi minnu Jonathan Dingli qed jgħaddu minnu kunsillieri u attivisti oħra. Hemm min jixtieq iwettaq ċertu bidliet imma dawn maħnuqin. Mhux iħossu li għandhom l-ispazju biex jagħmu dan. Mhix se tkun sorpriża li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin ikun hemm aktar riżenji. Sfortunatament il-Partit Nazzjonalista, internament qed ibati minn battibekki u kwistjonijiet jaħarqu li għalija huma tat-tfal u m’għandux ikun hemm kwistjonijiet jaħarqu dwarhom.” Mistoqsi dwar għal liema kwistjonijiet qed jirreferi, qalilna “hemm diversi. Il-kontestazzjoni ta’ Delia fuq distrett partikolari li dwarha hemm kwistjoni sħiħa hi waħda minnhom”, jgħidilna l-istess sors. Tenna li “t-tmexxija preżenti trid tistaqsi għaliex attivisti antiki qed iħallu l-PN? Għaliex dawn għandhom apatija u ma jridux jirritornaw? Din turi li qed jaraw xi ħaġa ħażina? Qed iħossu li l-bidla li stennew ma saritx. Inutli jiddaħħlu żgħażagħ ġodda bi ftit li xejn esperjenza u nwarrbu li dawk li kellhom esperjenza”, sostna l-istess sors, waqt li qalilna li d-deċiżjonijiet qed jittieħdu minn grupp żgħir ta’ nies.
Ippuvajt imma għalxejn
Minn naħa tiegħu, il-kunsillieri Jonathan Dingli iddikjara li “wara ħafna xhur nistenna li xi darba jkun hemm xi bidla fil-Partit Nazzjonalista, llum din għada ma seħħetx u fl-opinjoni tiegħi qatt mhu ser iseħħ jew inkella jekk xi darba tibda seħħ il-bidla, din għada l-bogħod. Għad hemm ħafna li għandhom jibqgħu hemm jiddettaw huma x’għandu jsir u ma jsirx. Jien hekk ma nimxix. Waqt laqgħa li kelli mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, tkellimt miegħu fuq ir-riżenja tiegħi mil-Partit Nazzjonalista kif ukoll mill-Kumitat Sezzjonali PN Mqabba. Ma kinitx xi ħaġa faċli li wasalt biex nieħu dan il-pass, għax wara li tkun ħabbejt xi ħaġa f’ħajtek u titlaqa’ minħabba ħafna raġunijiet li qatt mhu ser jitranġaw, jiddispjaċik ħafna, aktar u aktar meta jkunu jafu min fejn ġej jien.
Pruvajt imma għalxejn. Darba Dr. Adrian Delia kien qal hekk: “Jekk għandi l-fiduċja nibqa’, jekk m’għandix inbaxxi rasi u nitlaq jien” Għalhekk min qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li tawni sapport tagħhom tul dawn l-aħħar jiem kif ukoll lil dawk il-partitarji Nazzjonalisti ġenwini li tkellmu miegħi f’dan il-mument u li tawni r-raġun ukoll.”
Itenni li ‘naf li ser ikun hemm min ser jobogħdni, ma jkellimnix iktar, jew inkella ħars bl-ikrah. Ma jimpurtax. Il-Ħajja trid tkompli. Biss il-weġgħa jien ħassejta u ħadd aktar. Ser nibqa’ naħdem għal kulħadd bħall ma dejjem għamilt. Għalhekk min għada jien ser inkun qiegħed nkompli l-ħidma tiegħi fil-Kunsill Lokali tal-Imqabba bħala Kunsillier Indipendenti. Il-Ġenwin iweġġa dejjem”.
Diversi riżenji fl-aħħar xhur
Ir-riżenja ta’ Dingli qed issir wara għadd ta’ riżenji oħra li seħħew fl-aħħar xhur. Ta’ min jgħid li ftit xhur ilu l-kandidat Nazzjonalista fuq is-sitt distrett George Muscat irriżenja mill-Partit Nazzjonalista u sussegwentament irtira l-kandidatura tiegħu minn kandidat Nazzjonalista fuq is-sitt distrett. Muscat stess iddikjara li din ir-riżenja ma kinitx xi att impulsiv iżda deċiżjoni li ħaseb fuqha għal elf darba.
Din ir-riżenja hija parti mill-eżodu ta’ riżenji oħra li l-Partit Nazzjonalista baqa’ jaffaċċja, anki taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech
Apparti dan kandidata oħra li rtirat kienet Tiffany Abela Wadge. Hija rtirat il-kandidatura tagħha wara li fi spjegat li ħassitha fgatha f’partit deskritt bħala negattiv. Abela Wadge saħansitra kompliet tispjega li proposti li ressqet dwar is-saħħa tal-mara ġew skartati u totalment injorati mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Kien proprju ukoll kważi sena ilu, eżattament ftit tas-sigħat wara li Bernard Grech ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, li tliet kunsilliera Nazzjonalisti f’lokalitajiet differenti ħabbru li qed jitilqu mill-partit.
Deborah Mifsud, Kunsilliera fuq Birkirkara kienet qalet li Delia ma kellux jitqaċċat u kellu jibqa’ għal ħames snin.
“Ilni Nazzjonalista mit-twelid iżda issa dan il-partit lanqas jintgħaraf”, qalet Deborah Mifsud. Kienet qallet li “Lawrence Gonzi kien jgħidilna li Gvernijiet Laburisti jġagħluk tistħi li int Malti, imma llum jien nistħi ngħid li jien Nazzjonalista.”
Spjegat kif Delia sab min irid jeqirdu u tfixkil kbir. “Għalfejn dan kollu?”, staqsiet Mifsud li saħqet li Bernard Grech qered il-karriera politika tiegħu u kellu jistenna sa wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Sostniet li mhux ta’ b’xejn li l-Partit Nazzjonalista tilef għaxar elezzjonijiet konsekuttivi b’distakk kbir.
Apparti dan Doriana Portelli, Kunsilliera Nazzjonalista fuq Birżebbuġa u xandara ta’ NET News, qalet ukoll li qed twarrab b’mod immedjat.
“Meta per prinċipju dak li jsir sfaċċatament ċar kristall quddiem għajnejja ma jkunx konformi mal-valuri li nħaddan, jien ma nitradix, jien ma nfixkel fl-ebda mixja, ma nirkeb l-ebda karru, ma nigdibx, ma nfarrak l-ebda familja, ma nkisser l-ebda individwu. Għalhekk inwarrab, u b’mod immedjat”, kitbet Portelli.
Charmaine Aquilina, kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Marsa wkoll kienet ħabbret li rriżenjat mill-partit u issa se tibqa’ bħala Kunsilliera indipendenti.
Kien irrriżenja ukolll David Dalli, Kunsillier fil-lokalità ta’ San Ġwann. Irid jingħad ukoll li Louise Tedesco li ilha għal snin twal tappoġġja l-Partit Nazzjonalista ħabbret li wkoll irriżenjat minn kull kariga fil-Partit Nazzjonalista, madanakollu, Tedesco mhix se tibqa’ Kunsilliera fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun. Il-preżentatriċi li għal snin twal għamlet programmi fuq in-NET, qalet ukoll li temmet ix-xogħol tagħha ma’ NET TV.