Sunday, May 5, 2024

“It-trakka se ssir realtà… għandna l-pjanti u l-finanzjament”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jindirizza laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li t-trakka tal-karozzi se ssir realtà. Abela qal li l-isport tal-karozzi ilu jistenna biżżejjed. Spjega li diġà sar xogħol li tejjeb l-esperjenzi tad-dillettanti tal-isport, iżda issa wasal iż-żmien li mmorru għall-investiment il-kbir; it-trakka.

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-pjanti li huma lesti u mudell finanzjarju maqbul bis-sehem tal-NDSF. “Fil-mument li sirt Prim Ministru, tajt direzzjoni lis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima sabiex nagħtu prijorità lil dan il-proġett. Ridt li jkun proġett li jrendi għal diċenji li jilħaq għal standards internazzjonali”, żied jgħid Abela.

Il-proġett se jkun qiegħed isir b’investiment ta’ €20 miljun u se jkun tal-ogħla livell biex minnu jkun jista’ jgawdi kulħadd. Id-disinji huma maħdumin fuq l-għażla tal-Federazzjoni tal-Motorsports minn esperti Ġermaniżi. Abela qal li se tkun qiegħda ssir ħidma fuq art f’Ħal Far b’soluzzjoni realistika li nħadmet id f’id mat-tmexxija ta’ dan l-isport.

Il-Prim Ministru tenna jgħid li dan hu proġett li jrid jgħaddi minn proċess ta’ applikazzjoni u kuonsultazzjoni, iżda se jkun eżempju ieħor kif sfida biddilnieha f’opportunità. “Dan kollu jixhed kif dan hu Gvern li jżomm kelmtu. Dak li nwiegħdu nwasslu. Sa issa twettqu 95% tal-miżuri fil-manifest elettorali fis-settur sportiv”, temm jgħid Abela.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji min-naħa tiegħu qal li se jiġi msaħħaħ d-drag racing u l-karting li diġà huma eżistenti, filwaqt li jinbena ċirkut biswit dawn l-istess faċilitajiet. Ser jsir titjib tal-faċilitajiet eżistenti tad-drag racing u l-karting li permezz tal-investiment li se jsir diġà hemm impenn ta’ avvenimenti internazzjonali f’pajjiżna.

Sport