Friday, November 15, 2024

IL-BIDLIET LI ‘RRIDU’ FIL-PARLAMENT TAGĦNA

Aqra wkoll

Proprju lbieraħ reġa’ iltaqa’ l-Parlament. Dan hu parlament li storikament għandu l-ogħla numru ta’ deputati. Hu Parlament li fih hemm ammont sostanzjali ta’ wċuħ ġodda. Sfortunatament fl-aħħar ftit snin u anke fl-aħħar xhur, rajna Parlament li xi waqtiet kien karatterizzat minn diskorsi li rewħu l-mibegħda. Il-firda. Rajna wkoll kif il-privileġġ Parlamentari mhux dejjem intuża kif wieħed jixtieq.

Nemmnu li issa li se nibdew leġislatura ġdida, li hemm bżonn li dan il-Parlament tagħna jservi bħala post fejn bl-aktar mod ħieles u mingħajr ebda xkiel, id-deputati jiddibattu fl-interess nazzjonali. Id-deputati eletti, qegħdin fil-Parlament permezz ta’ proċess demokratiku u nemmnu li dawn għandhom ikunu ta’ eżempju għall-kostitwenti li huma jirrappreżentaw.  L-eżempju ma jridx jibda minn isfel imma jrid jibda minn fuq. X’eżempju nkunu qed nagħtu lill-kostitwenti u lin-nies inġenerali, b’diskorsi li jrewħu l-firda. 

Nemmnu wkoll li għandna nibdew nagħtu każ aktar li d-diskorsi ma jkunux ibbażati fuq kemm se ndumu nitkellmu imma fuq is-sustanza. Illum l-ammont ta’ deputati fil-Parlament  żdiedu sew.  Jagħmel sens aktar illum li deputat idum 40 minuta jitkellem fil-Parlament? Fuq kollox, jekk wieħed janalizza is-sustanza ta’ ċertu diskorsi, jasal għall-konklużjoni li hemm ħafna fejn wieħed itejjeb. Nemmnu li quddiem iż-żieda fil-membri Parlamentari, l-ħin tad-diskors għandu jitnaqqas sostanzjalment. Fuq kollox nemmnu li għandna naraw aktar diskorsi riċerkati. Diskorsi mhux ta’ retorika, jew  inċensar jew kritika distruttiva, imma diskorsi li joffru soluzzjonijiet u li joħolqu argumenti.

Ma nistgħux ma nitkellmux fuq il-privileġġ Parlamentari. Dak li għalih iċ-ċittadin sa issa għad m’għandu ebda rimedju. 

X’insult dan għad-demokrazija.  Ċittadin m’għandu ebda rimedju għal dak li jintqal dwaru fil-Parlament anke jekk ma jkunx veritier. Nemmnu fermament li kulħadd għandu jingħata id-dritt ta’ tweġiba għal dak li jingħad dwaru. Nemmnu li iva din il-kwistjoni m’għandhiex ittul aktar. M’għandux ikun hemm aktar abbuż mill-privileġġ Parlamentari f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiz.

Nemmnu li d-dritt u l-privileġġ li jgawdi Membru Parlamentari għadu jibqa’ għax dan qiegħed hemm bi skop – biex dak l-istess membru jitkellem mingħajr biża’. 

Nemmnu iva li dan m’għandux ikun abbużat u li ċ-ċittadin jingħata rimedju li jwieġeb. Dan hu mod ieħor kif anke il-poplu inġenerali jitressaq aktar lejn il-Parlament.  Nemmnu li d-deputati għandhom ikunu responsabbli ta’ għemilhom  u hu għalhekk li hemm bżonn li jkun hemm xi tip ta’ proċedura jew mekkaniżmu biex il-Parlamentari li jabbużaw mill-privileġġ jirrisponu għal għemilhom.

Nemmnu li m’għandux jitwal aktar iż-żmien biex jiġu riveduti l-ordnijiet tal-Parlament biex jidħol fis-seħħ rimedju għal dak il-persuna li jħoss li kien hemm abbuż tal-privileġġ Parlamentari fil-konfront tiegħu.

Nemmnu li l-Parlament għandu jkunt ta’ eżempju għas-soċjetà. Kemm naħa u kemm oħra, iridu jaraw li kull membru tan-naħa tagħhom ikun ta’ eżempju. Hu għalhekk li nemmnu li fil-Parlament irridu naraw għaqda għaqda nazzjonali u aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat.

Ekonomija

Sport