Jgħid dan is-Segretarju Ġenerali tal-GWU f’laqgħa mal-PM b’rabta mal-baġit 2020
Ir-rappreżentanti tal-General Workers’ Union (GWU) kellhom laqa’ kordjali flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela bħala parti mill-konsultazzjonijiet ta’ qabel il-baġit 2020, fejn is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li s-saħħa għandha tibqa’ prijorità iżda saħaq fuq il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
Waqt din il-laqgħa, is-Segretarju Ġenerali Bugeja tkellem dwar bosta proposti li qed tressaq il-GWU għall-baġit tas-sena d-dieħla fejn fost l-oħrajn il-GWU qed tipproponi numru ta’ proposti ekonomiċi, industrijali, soċjali u ambjentali. Il-viżjoni tal-GWU tinkludi l-familji, pensjonanti u l-ħajja ta’ kull ċittandini irrelevanti r-razza, kulur jew twemmin.
Fost il-proposti li l-GWU ressqet għall-baġit hemm l-estenzjoni tal-wage supplement, qafas leġiżlattiv b’saħħtu għar-remote working u għat-teleworking, menswalità msndatorja fi trade union u twaqqif ta’ fond biex jilqa’ għal sfidi bħal dawk tal-pandemija.
Bugeja żied jinnota r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija f’dawn il-mumenti u qal li din kapaċi tirpilja malajr hekk kif rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea u mill-aġenziji tal-kreditu. Huwa temm jawgura li ladarba noħorġu minn din il-pandemija, pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq tat-tkabbir ekonomiku biex jerġa’ jesperjenza l-kwalità tal-ħajja li għexna f’dawn l-aħħar snin.
Il-Prim Ministru Abela qal li l-prijorità għal dan il-gvern jibqgħu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin b’mod partikolari dawk fl-iskala ta’ isfel, u għalhekk li diġà ħabbar li l-wage supplement se jiġi estiż. Qal li dan se jassigura li l-ħaddiem ikollu l-flus fil-but waqt li jagħti serħan tal-moħħ lill-familji u lin-negozji.
Il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza tal-bilanċ bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u l-obbligi ta’ min iħaddem. Qal li fil-baġit għas-sena d-dieħla l-gvern irid ikompli jassigura d-drittijiet tal-ħaddiema iżda fl-istess waqt jara li ma jinħolqux piżijiet addizzjonali fuq min iħaddem.
Waqt li wera l-qbil tiegħu ma’ menswalità mandatorja fi ħdan trade union biex jitħarsu l-jeddijiet tal-ħaddiema, qal li huwa importanti li din tinżamm baxxa.
Uħud mill-proposti tal-GWU għall-baġit 2020:
Kundizzjonijiet tax-xogħol
Filwaqt li l-GWU tirrikonoxi li l-ħaddiema tal-kuntrattur li qed jagħtu servizz kontinwu lill-gvern qed jieħdu żieda tal-ftehim kollettiv, għandhom ukoll jieħdu l-increments tal-grad li qed jiġu komparati miegħu.
Dwar il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol, il-Gvern għandu jilleġiżla biex il-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-kuntrattur jew ta’ agenziji tax-xogħol temporanju jkunu ugwali għal dawk tal-ħaddiema direttament impjegati fl-istess post tax-xogħol fejn huma jkunu qed iservu.
Il-GWU tgħid li l-ligi tax-xogħol għandha tkun emendata biex tirrifleti r-realtà tal-lum. Dan billi jkun hemm aġġornament u reviżjoni tal-Works Regulation Order li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax- xogħol f’diversi setturi.
Il-GWU tħeġġeġ lill-Gvern biex ikompli l-proċess li beda fil-Baġit 2018 u fil-Baġit sussegwenti li jżid ġurnata oħra leave biex fuq perjodu ta’ żmien il-ħaddiema jkunu ħadu lura l-jiem ta’ festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa u li kienu tneħħew minn amministrazzjoni Nazzjonalista.
Apparti minn hekk, il-GWU titlob kumpens xieraq għall-ħaddiema kollha li kienu front liners waqt il-pandemija.
Xogħol remot
Il-GWU taqbel mal-flessibilità fix-xogħol, iżda għandhom jiġu żgurati d-drittijiet kollha tal-ħaddiema u għalhekk qed tipproponi kumpens u kundizzjonijiet għal min jaħdem mid-dar.
Il-GWU temmen li huwa wkoll essenzjali li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-persuna jibqa’ hemm u x-xogħol ikun għall-bniedem u mhux bil-bniedem għax-xogħol.
Il-GWU tisħaq li l-leġiżlazzjoni li tirregola xogħol mid-dar hija waħda bażika ħafna. F’dan ir-rigward il-GWU tipproponi li tiġi emendata l-liġi biex ħaddiema li jaħdmu mid-djar ikunu kkumpensati għal:
- parti mill-kera tad-dar tagħhom.
- ħlas parzjali tal-kont tad-dawl;
- ħlas għall-installazzjoni ta’ linja tat-telefon, l-internet, VPN u arja kundizzjonata;
- ħlas ta’ għamara għall-uffiċċju u apparat elettroniku;
- isir risk assessment tal-post fejn se ssir il-ħidma.
Il-GWU tgħid li alternattiva oħra huwa li l-Gvern flimkien mal-privat jinvesti f’hubs f’diversi lokalitajiet biex ikunu jistgħu jintużaw minn diversi ħaddiema mingħajr il-ħtieġa li ħaddiem isuq għall-post tax-xogħol u jkun qed inaqqas il-problema tat-traffiku. Dawn il-hubs ikunu ergonomiċi u ta’ standard xieraq ta’ Saħħa u Sigurtà. Kif ukoll it-tagħmir kollu possibbli biex il-ħaddiem ikollu d-drittijiet tiegħu salvagwardjati.
Il-GWU temmen li wasal iż-żmien li l-iskema ta’ benefiċċji għall-aċċidenti personali fuq ix-xogħol għandha tkun estiża għall-ħaddiema kollha tas-servizz pubbliku u s-settur pubbliku. Dan għandu japplika wkoll għall-ħaddiema tal-kuntrattur li jagħtu s-servizz lis-servizz pubbliku u s-settur pubbliku.
Settur Marittimu
Il-GWU tgħid li baħħara ta’ bastimenti reġistrati f’Malta, għandu jkollhom l-impjieg tagħhom reġistrat mal-awtoritajiet lokali biex ikunu mħarsa aħjar id-drittijiet tagħhom u jinqata’ l-abbuż fuqhom.
Il-GWU qed tissuġġerixxi li l-baħħara li jaħdmu fuq bastimenti li jtajru bandiera Maltija u li jaqgħu taħt l-MLC 2006 għandhom ikunu garantiti d-dritt ta’ paga minima nazzjonali.
Dwar is-settur marittimu, il-GWU tgħid li l-konformità mar-regolamenti dwar l-impjieg u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-assigurazzjoni, għandha tkun kriterja ewlenija li mingħajrha, il-liċenzja għall-operat jew ma toħrogx jew tiġi rtirata.
Il-GWU temmen wkoll li l-kundizzjonijiet tal-impjieg, tal-għajxien u l-assigurazzjoni tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd għandhom ikunu regolati.
Għal dawk il-ħaddiema li jinġiebu minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea biex jaħdmu fuq bastimenti merkantili jew tas-sajd, inkluż dawk li minħabba l-fatt li l-akkomodazzjoni abbord tkun tissodisfa l-kriterji tal-liġi u jkunu se jabitaw fuq il-bastiment għat-tul tal-kuntratt, għandha tinħarġilhom liċenzja tal-impjieg.
Żgħażagħ
Bħalissa ħaddiema ta’ 16 jew 17-il sena minkejja li jħallsu l-kontribuzzjoni soċjali din ma tkunx tgħodd għal meta huma jiġu għall-pensjoni. Għaldaqstant, il-GWU qed tipproponi li l-kontribuzzjoni soċjali tal-ħaddiema ta’ 16 u 17-il sena tibda tgħodd ukoll fil-kalkolu tal-bolol imħallsa għall-pensjoni kontributorja.
Il-GWU tipproponi li ladarba ċ-ċittadini ta’ 16 u 17-il sena ngħataw id-dritt tal-vott, hekk ukoll huma għandhom igawdu mil-Libertà ta’ Assoċjazzjoni kif garantita mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, mingħajr ma jkollhom bżonn il-kunses ta’ nies akbar minnhom.
Il-GWU tipproponi wkoll li tingħata tal-linja kard b’xejn lil kull adult ‘il fuq minn 18-il sena li ma għandux liċenzja tas-sewqan.
Proposta oħra hija li n-numru ta’ sigħat l-istudenti jista’ jaħdem qabel ma jitlef l-istipendju għandu jiżdied minn 18-il siegħa sa 25 siegħa.
Ekonomija
Il-GWU tisħaq li l-Gvern għandu jintroduċi skema li tinkoraġġixxi start ups. Din l-iskema għandha tkun bil-kollaborazzjoni mal-privat u l-banek.
Il-GWU tipproponi: tnaqqis fir-rata ta’ bolla u kreditu tat-taxxa fuq il-pagi f’intrapriżi żgħar u medji. Il-Gvern għandu jnaqqas dan il-ħlas ta’ bolla u taxxa għall-impjegati ġodda għall-ewwel sena. Din il-miżura tkun għal terminu speċifiku ta’ żmien. Il-GWU tipproponi wkoll żieda fl-investiment fil-manifattura speċjalment dak ta’ valur miżjud għoli.
Wara s-suċċess kbir tal-voucher ta’ €100 lil kull persuna li għandha aktar minn 16-il sena, il-GWU qed tipproponi biex il-Gvern jerġa’ jagħti set ieħor ta’ vouchers biex ikompli jistimola d-domanda interna.
Il-GWU tħeġġeġ: li l-moratorji mill-banek tagħna, kemm mill-pagamenti ta’ kapital u anke mill-pagamenti ta’ interessi għandu jitkompla ta’ mill-anqas sena oħra; li l-garanziji bankarji mħabbra mill-Gvern jitkompla sakemm is-sitwazzjoni titjieb u nerġgħu naraw tkabbir ekonomiku; u li f’dan iż-żmien diffiċli għall-ekonomija ġenerali l-Gvern, permezz ta’ Avviż Legali, jassigura moratorju mill-banek fuq il-pagamenti kollha tas-self, ta’ mhux anqas minn sena, liema moratorju jibda b’mod immedjat. Dan il-benefiċċju għandu jingħata lill-ħaddiema kollha mingħajr distinzjoni.
Edukazzjoni
Il-GWU tipproponi:
- għajnuna finanzjarja biex aktar żgħażagħ u nisa jiksbu l-liċenzja speċjali għal sewqan ta’ inġenji kbar bħal trakkijiet u xarabanks.
- li jkun rivedut l-irwol tal-iskejjel vokazzjonali biex ikunu ffukati fuq il-produttività, ħiliet tekniċi u snajja’.
- żieda fil-boroż ta’ studju u inċentivi oħra biex aktar ħaddiema jsegwu aktar studji u taħriġ professjonali
Ambjent u Infrastruttura
- Fost il-proposti, il-GWU tisħaq li:
- jiżdiedu l-pieni għal min jinqabad jarmi fil-kampanja tagħna
- tiġi mnedija s-sistema ta’ ġbir tal-fliexken tal-plastik
- titkompla l-kampanja ta’ edukazzjoni dwar is-separazzjoni tal-iskart u tiġi infurzata l-leġiżlazjzoni b’mod rigoruż.
- ikompli l-investiment fit-tħawwil ta’ siġar indiġeni Maltin u afforestazzjoni ta’ spazji miftuħa
- tiġi introdotta taxxa fuq ikel li mhux tajjeb għas-saħħa
- jingħataw sussidji fuq gyms jew health saloons biex tkun aktar faċli għan-nies biex jieħdu ħsieb saħħithom
- kontinwazzjoni tal-inċentivi fuq pannelli solari għad-djar
- jiġu kkunsidrati miżuri finanzjarji li permezz tagħhom jagħmluha aktar faċli għall-ħaddiema li jirrinunzjaw għall-użu ta’ vetturi li jaħdmu b’karburanti li jagħmlu ħsara lill-ambjent
- investiment f’bus shelters għal kontra l-elementi
- inċentivi għas-sħab soċjali biex jinvestu ġewwa pannelli solari
- skeda ta’ trasport li tkopri s-sigħat ta’ bil-lejl
- għandu jkun ikkunsidrat l-investiment ta’ faċilitajiet ta’ child care u klinika f’kull żona industrijali u l-ħinijiet ikunu estiżi għal 24 siegħa f’każi fejn ikun hemm involut xogħol bix-xift.
Qasam soċjali
Il-GWU tgħid li l-istat għandu dover li jgħin il-batut u lil dawk l-aktar vulnerabbli. Għandu dover li jgħin iċ-ċittadini tiegħu li min naħa tagħhom għandhom issostnu dan id-dover. Il-Gvern biex ikun jista’ jwettaq din il-ħidma jeħtieġ jiġbor flus biex ikun jista’ jaqsam il-ġid maħluq. L-impjegati jikkontribwixxu parti mill-paga biex il-pajjiż ikollu sistema ta’ sigurtà soċjali sostenibbli. Il-Gvern jeħtieġ li jiggarantixxi li l-flus imnaqqsa mill-paga ta’ kull ħaddiem jgħaddu għand il-Gvern. Għalhekk il-GWU qed tipproponi pieni ħarxa għal dawk l-employers li ma jgħaddux b’mod immedjat dawn il-flus. Il-Gvern għandu jiżgura wkoll li flejjes tal-passat jinġabru.
Dwar dawk il-persuni, speċjalment dawk barranin, li wara li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom u ma jkollhomx flus biex imorru lura, u jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, il-GWU tħeġġeġ biex f’dan il-budget il-Gvern jagħmel provediment biex jgħin lil dawn in-nies u jipprovdi post fejn jgħixu b’mod temporanju.
Il-GWU tipproponi li jinħarġu skemi ġodda ta’ xiri ta’ proprjetà simili għall-iskema tal-Home Ownership Scheme u li terġa’ toħroġ l-iskema biex aktar djar abbandunati fil-qalba tal-irħula tagħna jiġu rranġati u mikrija biex tiżdied id-disponibilità tad-djar.
Pensjonanti
Il-GWU tipproponi:
- Il-Cost of Living Bonus għandu jingħata lil kulħadd l-istess.
- Il-Gvern għandu jalloka biżżejjed riżorsi inklużi riżorsi umani biex jaġġorna l-pensjonijiet kollha skont il-ftehim kollettiv ta’ fejn kienu jaħdmu
- li tiżdied il-pensjoni massima taż-żewġ terzi ta’ dawk li twieldu sas-sena 1961
- F’dik il-miżura li tingħata sentejn jew erba’ snin krediti tal-bolol għal kull wild meta tasal għall-età tal-pensjoni tkun inkorporata fl-istess miżura li f’każ il-persuna tiġi nieqsa qabel tilħaq l-età tal-pensjoni, il-krediti dovuti għandhom jiġu kkonsidrati fil-kalkoli tal-pensjoni tar-romol tal-konjuġi.
- Trasport pubbliku għandu jkun b’xejn għall-anzjani.
- Internet b’xejn għal dawk l-anzjani li jgħixu weħidhom.
Kultura u saħħa
- Il-GWU tisħaq li:
- Għandhom isiru l-arranġamenti meħtieġa biex iċ-Ċentri tas-Saħħa kollha joffru servizz u kura erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
- Għandu jingħata aktar inċentivi u għajnuna lis-setturtal-kultura u arti.
- Iċ-ċentri kulturali eżistenti għandu jkun żgurat li dawn ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.
- Il-GWU tkompli tinsisti li jiżdiedu l-ispazji miftuħa fejn il-familji Maltin ikunu jistgħu jirrilassaw u jistrieħu.
- Għandu jitkompla l-programm ta’ tħawwil ta’ siġar f’kull lokalità.