Wednesday, March 27, 2024

IL-BINI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kalkoli li jsiru biss fuq kemm jiswa x-xogħol ta’ kostruzzjoni u kemm jimpjega nies jagħtu impressjoni żbaljata ta’ għaliex din l-industrija għandha rwol mitqies ċentrali fil-ħajja ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż. Mhux għax iċ-ċifri li jissemmew huma żbaljati imma għax il-bini f’pajjiżna jrid jitqies fil-perspettiva tal-bejgħ u x-xiri li jsir ta’ binjiet kummerċjali u residenzjali.

L-imprenditur Anġlu Xuereb darba fisser kif waqt li l-ispiża biex tibni baqgħet kważi l-istess matul is-snin, il-“valur” tal-bini baqa’ tiela’. Dan għax il-valur tal-art fi gżira ċkejkna bħal Malta baqa’ japprezza u japprezza.

Irrenda l-bini u kulma jmiss miegħu sink li jattira l-flus lesti għal xi investiment faċli, l-ispekulazzjoni u l-ħasil tal-flus. Lejh jinġibdu ftehimiet formali u informali ta’ bejgħ, xiri, garanziji, self u maniġġi oħra. Hu sistema essenzjali biex partijiet sħaħ tal-ekonomija jibqgħu likwidi, anke waqt li imprendituri u ditti involuti fih spiċċaw jinqabdu bi djun kbar mal-banek jew mal-uffiċċji tat-taxxi tal-gvern.

IN-NIXFA

L-Ewropa ftit ftit qed titgerrem min-nixfa. Il-klima u l-veġetazzjoni tal-Mediterran jinsabu telgħin lejn in-nord. Biex tgawdi sajf bħal ma kien jitgawda xi snin ilu f’Malta jew fil-Greċja se jkollok tmur lejn il-kosta Atlantika ta’ Franza jew l-Olanda.

Sadattant, fil-pajjiżi tal-Mediterran in-nixfa se tqarribhom aktar lejn il-pajżaġġi tal-Golf Għarbi, fejn jiddomina d-deżert. Xenarju esaġerat ta’ diżastru minn dawk li jridu jbellgħulna akkost ta’ kollox iridu jbellgħulna l-“ħrafa” li l-klima tad-dinja ssaħħnet wisq?

Li żgur hu li fi Spanja u fil-Greċja fost imkejjen oħra, il-firxa u l-qawwa ta’ nirien fil-foresti tagħhom ħadu spinta kbira. Mhux kollha qed jitkebbsu minn kriminali li jridu joħolqu d-diżgwid.

IL-MALTI

Kulħadd… jew kważi… jaqbel li għandna nħarsu l-ilsien nazzjonali tagħna. Fejn jinħolqu d-diverġenzi hu kif, fejn u meta dal-ħarsien għandu jiġi eżerċitat.
Nisimgħu kif lingwa bilfors tinbidel matul iż-żminijiet bl-użu li jagħmlu minnha l-istess utenti tagħha. Jekk il-Maltin saru jużaw lingwaġġ ġej minn ilsna oħra li jisimgħu fuq il-mezzi ta’ kumnikazzjoni u l-films jew mit-turisti li jiltaqgħu magħhom, dak mhux żvilupp naturali? Permezz tiegħu, mil-Latin evolvew il-lingwi li llum huma t-Taljan, il-Franċiż…

Jintqal kif l-ortografija u l-grammatka tal-Malti bilfors iridu jinbidlu, mhux l-anqas biex jitħaffu għall-eżamijiet tal-iskejjel. Biss, ċertu arranġamenti ġodda ta’ kif dan isir iħalluni mistagħġeb għall-aħħar. Issa jien wieħed minn dawk – nammetti b’mistħija – li għadni nagħmel żbalji ħoxnin meta niġi biex nikteb b’ortografija korretta.

Tgħid wasal iż-żmien għal qbil ġenerali dwar xinhu fil-Malti li għandna nħarsu u nsalvaw? u kif dan għandu jsir?

Ekonomija

Sport