Saturday, November 30, 2024

Il-birer ta’ Farsons rebbieħa mill-ġdid fl-‘Oscars tal-industrija tal-birra’

Aqra wkoll

Il-birer ta’ Farsons, Cisk Excel u Blue Label, rebħu żewġ premjijiet bejniethom fl-International Brewing & Cider Awards ta’ din is-sena, magħrufin bħala l-‘Oscars tal-industrija tal-birra’.

Iċ-Cisk Excel ingħatat il-Bronż fil-kategorija International Smallpack Lager Competition Class 1 for Lager 2.9% – 4.4% ABV, u l-Blue Label kisbet ukoll il-Bronż fil-kategorija International Smallpack Ale Competition Class 2 for Ale 4.5% – 4.9% ABV.

L-aġġudikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni saret Manchester bejn id-19 u l-21 ta’ Marzu u serviet ta’ opportunità tajba ħafna għall-birrara u l-produtturi tas-ciders biex ikollhom il-prodotti tagħhom evalwati minn ġurija internazzjonali ta’ produtturi tal-birra u s-ciders magħrufa madwar id-dinja.

Il-proċess tal-aġġudikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni hu differenti mill-proċessi ta’ kompetizzjonijiet oħra għax jiżgura li kull birra u cider jiġu ġġudikati b’mod ġust u rigoruż għall-kwalità u l-valur kummerċjali tagħhom. Il-panel, li kien magħmul minn 38 ġurat, intgħażel bil-ħsieb li jirrifletti l-ħila esperta attwali fl-evalwazzjoni tat-togħma u l-valur kummerċjali tal-birer u s-ciders li jkunu deħlin fis-suq. Dawn il-membri daqu, b’għajnejhom mgħottija, mijiet ta’ birer u ciders li ssottomettew il-produtturi tal-birra u s-ciders internazzjonali. Huma dawn il-valuri fil-proċess tal-aġġudikazzjoni li wasslu biex din il-kompetizzjoni tikber fir-reputazzjoni u titqies l-‘Oscars tal-industrija tal-birra’.

Is-Sur Eugenio Caruana, l-Uffiċjal Ewlieni tal-Operat ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qal: “Nilqgħu dawn iż-żewġ premjijiet b’sodisfazzjon kbir. Kwalunkwe rikonoxximent minn kompetizzjoni daqstant rispettata u stmata madwar id-dinja hu unur u għandu jkun iċċelebrat. Dawn il-premjijiet ksibniehom bis-saħħa tad-dedikazzjoni u l-konsistenza tat-tim tal-birrara tagħna.”

Il-Blue Label kienet l-ewwel birra ta’ Farsons li rebħet f’din il-kompetizzjoni ta’ livell għoli. Kien fl-1952, meta kienet tissejjaħ ‘Brewing, Bottling & Allied Trades’ Exhibition’, li l-Blue Label Silver ġiet ikklassifikata fl-Ewwel Klassi fil-kategorija tal-Ales u rebħet id-Deheb fiċ-Championship. Fil-fatt, il-kompetizzjoni tagħraf lil Simonds Farsons Cisk plc bħala waħda mill-ewwel birreriji internazzjonali li kisbu l-aqwa premjijiet fil-50ijiet.

Fl-2021, ftit xhur biss wara li ħarġet iċ-Cisk 0.0, birra oħra ta’ Farsons, kisbet id-Deheb fil-kategorija Non & Low Alcohol Beer – Class 1 u ngħatat ukoll l-overall trophy għax rebħet minn fost ir-rebbieħa kollha tad-Deheb tat-tliet klassijiet tal-istess kategorija tal-kompetizzjoni.

Is-Sur Michael Farrugia, id-Deputat Kap Eżekuttiv (Negozju tax-Xorb) ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qal li, “Dawn il-premjijiet prestiġjużi jkomplu jsaħħu l-impenn tal-Birrerija tagħna għall-kwalità u l-konsistenza. Jagħtuna spinta wkoll li nissoktaw bl-isforzi tagħna ħalli nibqgħu nkabbru n-negozju fis-swieq internazzjonali.”

Sport