Il-Birgu jerġa’ jixgħel b’45,000 xemgħa għall-Birgu by Candlelight

Aqra wkoll

Il-Birgu se jerġa’ jixgħel b’madwar 45,000 xemgħa għall-Birgu by Candlelight, il-qofol tal-Birgufest 2026, li din is-sena se ssir fid-9 u l-10 ta’ Ottubru u mistennija tattira eluf ta’ persuni lejn il-Birgu.

Din se tkun id-dsatax-il edizzjoni tal-Birgufest, attività li matul is-snin saret appuntament importanti fil-kalendarju kulturali u turistiku ta’ Malta. Il-qofol tagħha jkun is-Sibt 10 ta’ Ottubru bil-Birgu by Candlelight, meta t-toroq tal-Birgu jintfew mid-dawl tat-toroq u jinxtegħlu bid-dawl ta’ eluf ta’ xemgħat, u joħolqu atmosfera unika fil-qalba storika tal-Birgu.

Id-dettalji tal-programm tal-Birgufest 2026 tħabbru waqt it-tnedija uffiċjali tal-attività, li għaliha attendew il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli u s-Sindku tal-Birgu John Boxall, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tal-Birgu u l-organizzaturi tal-attività.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ ir-rwol tal-Kunsilli Lokali u jappoġġja inizjattivi li jagħtu ħajja lill-komunitajiet u jippromwovu l-wirt kulturali u l-identità tal-lokalitajiet tagħna. “Permezz ta’ inizjattivi bħal Birgufest, qed inkomplu nagħtu spazju lill-komunitajiet tagħna biex juru l-identità tagħhom, filwaqt li nsaħħu l-ħidma bejn il-Gvern, il-Kunsilli Lokali, ir-residenti u l-għaqdiet volontarji,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli.

Is-Sindku tal-Birgu John Boxall irringrazzja lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għall-appoġġ u l-għajnuna li taw sabiex il-Birgufest tkun tista’ ssir u tkompli tikber bħala attività li tiġbed eluf ta’ persuni lejn il-Birgu.

Il-programm tal-Birgufest jinfirex fuq jumejn u jibda mit-8:00pm nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru u mill-5:00pm is-Sibt 10 ta’ Ottubru. Il-programm jinkludi bands f’diversi żoni madwar il-Birgu, reenactments, mużewijiet miftuħa, kunċerti fil-knejjes, short film festival, wirjiet tal-arti, armar tal-festi, ikel tradizzjonali u diversi attivitajiet oħra. Il-Ġimgħa filgħaxija se jkun hemm ukoll kunċert b’xejn minn The Travellers fl-10:00pm, filwaqt li s-Sibt il-pubbliku jista’ jattendi għal ‘Tnemnim’, bi tliet kunċerti separati organizzati mir-Reġjun Port.

Il-programm jinkludi wkoll l-Artisan Market f’Couvre Porte, fejn diversi artiġjani se jkunu qed jesebixxu u jbiegħu xogħol magħmul bl-idejn. L-attività ssir bil-kollaborazzjoni tar-residenti, il-voluntiera u l-għaqdiet volontarji, li għandhom sehem importanti fit-tħejjija u t-twettiq tal-Birgufest.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-Birgu, is-Sibt se jkun hemm servizz speċjali tat-trasport pubbliku, b’ħinijiet estiżi fuq ir-rotot 4 u 2, kif ukoll shuttle service minn Lourdes Bus Stop f’Raħal Ġdid lejn il-Birgu. Se jkun hemm ukoll servizz ta’ ferry mill-Birgu lejn il-Belt Valletta sas-1:00am.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport