Sunday, December 22, 2024

“Il-biża’ li trawmet fina hi mħawra minn sentiment qawwi ta’ emerġenza u allarm”

Aqra wkoll

Waħda mit-toroq ta’ Bergamo battala għalkollox min-nies

“Għalina l-ġurnata saret waħda kkaratterizzata minn kwiet assolut li jinkiser biss mad-daqq tas-sireni li jkunu qed iġorru pazjenti bi problemi respiratorji”. Hekk beda biex jgħid ma’ dan is-sit Giulio Ghidotti, ġurnalist sportiv li jgħix f’Bergamo.

Bergamo fl-aħħar ġimgħat beda jitqies bħala l-epiċentru tal-coronavirus fl-Italja u meta mistoqsi dwar jekk kienx hemm biża’ sa mill-bidu nett tal-ewwel każi, Ghidotti qalilna li l-biża’ kienet hemm iżda l-aktar li nħasset kienet viċin l-20 ta’ Frar meta bdew ifeġġu l-ewwel każi. 

Spjega li kien hemm ġimgħa li n-nies ikkalmat għax irriżulta li dawk infettati kienu kollha persuni vulnerabbli bħalma huma l-anzjani u l-morda, iżda wara xi ġranet bdew ifeġġu l-ewwel vittmi ta’ dan il-virus u kibret sew il-biża’.

Dwar is-sitwazzjoni bħalissa, il-ġurnalist qalilna li kuljum qed imutu bejn żewġ persuni u tlieta li jkunu jafu lil xulxin u din hi l-aktar li qed tinħass fost il-poplu. Qalilna li tant qed tittieħed bis-serjetà s-sitwazzjoni li fit-triq ma tara lil ħadd ħlief xi nies jixtru l-affarijiet essenzjali, dawk li joffru servizzi mediċi u ħaddiema oħra li jeħtieġ li jibqgħu għaddejjin bħalma huma dawk li jaħdmu f’xi fabbriki.

Dwar il-maskri hu qalilna li minn fost dawk il-ftit li qed joħorġu hemm madwar 90% tagħhom li jilbsu l-maskra ta’ protezzjoni u l-10% l-oħra ma jagħmlux dan mhux b’negliġenza iżda minħabba li jsibux jixtru.

Kellimna wkoll dwar il-problema biex takkwista prodotti onlajn minn xi siti. Qalilna li xi wħud minnhom naqqsu l-lista ta’ affarijiet tagħhom lejn l-Italja għal dawk essenzjali biss. Dan hu riżultat ta’ waħda mill-miżuri sanitarji bil-għan li jonqos it-tifrix tal-virus, fejn dawn il-kumpaniji qed jitħallew iħaddmu biss ċertu amont ta’ impjegati.

Ghidotti jagħmel parti wkoll minn grupp volontarju li jissejjaħ protezzjoni ċivili, iżda għamilha ċara li dawn għandhom irwol differenti minn dawk ta’ pajjżina. Spjegalna li huma xogħolhom hu li jassistu lill-uffiċjali li huma aktar ta’ awtorità u li minkejja li għandhom irwol importanti, m’għandhom l-ebda dritt li jagħtu ordnijiet jew li jimmultaw liċ-ċittadin. Minkejja dan, bħalissa kellhom sejħa biex iqassmu l-affarijiet essenzjali lill-anzjani u dawk li jgħixu waħedhom.

Staqsejnieh dwar kemm jaħseb li se ddum din is-sitwazzjoni u qalilna li jemmen ħafna bil-lockdown. Spjegalna li l-kwarantina obbligatorja fl-Italja bdiet fil-11 ta’ Marzu u għalhekk ir-riżultati ta’ dawk infettati sal-aħħar tax-xahar se jkunu qed jagħti ħjiel ta’ kemm se jkun qed idum dan il-virus. Fl-opinjoni tiegħu hu qed ibassar li s-sitwazzjoni fil-pajjiż għandha taqleb ħafna għall-aħjar ix-xahar li ġej. Ir-raġunament tiegħu hu li bħalissa l-pajjiż qed ikollu f’idejh riżultati ta’ dawk infettati u li skont l-istruzzjonijiet qed ikunu iżolati fir-residenza tagħhom meta jiżviluppaw is-sintomi. 

B’hekk dan se jwassal għall-kontroll tat-tixrid fi ftit jiem. Skontu, id-data tal-ħelsien minn dan il-virus se tkun tiddependi minn kemm dawk infettati se jkunu qed idumu biex jiġu kkonfermati mfejqa għax it-tixrid diġà qed jiġi kkontrollat bil-kwarantina obbligatorja.

Rigward filmati ta’ persuni jinstabtu fl-art bla nifs fit-triq li bdew jiċċirkolaw fil-midja, Ghidotti ċaħad li hu qatt ra xi ħaġa simili u jemmen li dawn il-filmati qed jagħmlu ħafna ħsara u jkomplu jallarmaw lill-pubbliku.

Mistoqsi dwar minn fejn jaħseb li oriġina l-virus, hu qal li hemm spekulazzjonijiet iżda għad m’hemm l-ebda konferma. Hu personalment jemmen li l-ewwel każi kienu impurtati miċ-Ċina, minn xi negozjanti li ġejjin u sejrin f’laqgħat mas-sidien tal-fabbriki fl-Italja. Ma’ din id-domanda hu spjega li għall-ewwel l-awtoritajiet ma kinux ippreparati biex jilqgħu l-infezzjoni milli tidħol fil-pajjiż minn postijiet bħalma huma l-ajruporti.

Problema oħra kienu l-isptarijiet. Kellek persuni li daħlu minħabba diversi problemi iżda mhux bis-sintomi tal-Covid-19 u ftit tal-jiem wara rriżultaw infettati. Qalilna li problema oħra li wasslet biex il-firxa kienet daqshekk kbira kienu n-nuqqas ta’ miżuri ta’ prekawzjoni fejn kellek tobba u infermiera li kienu l-aktar sors li minnu kien qed jinfirex il-virus.

Fl-aħħar jiem l-esperti ddeskrivew ukoll il-logħba mic-Champions League bejn Atalanta u Valencia bħala “bomba bijoloġika” li setgħet rat infezzjoni kbira f’temp ta’ ftit sigħat. Preżenti għal din l-logħba kien hemm madwar 45,000 persuna, li ħafna minnhom kienu minn Bergamo.

Ipoteżi oħra kienet dik li fl-isptarijiet taż-żona kien hemm żieda fir-rapporti ta’ każi ta’ pulmonite u li dan jista’ jfisser li l-ewwel każi ta’ infezzjoni fl-Italja kienu bdew sa mis-sena li għaddiet.

Bħala miżuri, l-Italja tinsab f’sitwazzjoni fejn in-nies tista’ toħroġ biss biex tixtri l-affarijiet essenzjali u f’każi ta’ bżonn ta’ kura medika urġenti li fil-maġġoranza tagħhom jiġu ttrasportati bl-ambulanza. Minbarra f’dawn il-każi, dak li jkun jista’ joħroġ biss f’distanza ta’ bejn 100 u 200 metru, iżda issa donnu kulħadd qed inaqqas mill-ħruġ.

Ghidotti qalilna li hu qiegħed isegwi x’qed jiġri f’pajjiżi oħra u li bla dubju Malta hi waħda minn dawk il-pajjiżi li tinsab fl-interess tiegħu. Hu qalilna li jinsab informat bil-miżuri li qed jittieħdu mill-awtoritajiet Maltin. Huwa temm jappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex ma jħallux iċ-ċifri f’pajjiżu jirkbu l-imħuħ, iżda għamilha ċara li d-data tal-fejqan tiddependi minn kemm in-nies se jkunu qed jimxu mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet u biex għalhekk dawn qatt m’għandhom jaqgħu fuq widnejn torox.

Ekonomija

Sport