Monday, December 9, 2024

“Il-bniedem marid jew le, lilna bħala Kapuċċini ma jbeżżagħniex”

Aqra wkoll

Wieħed mill-Kappillani tal-Isptar Mater Dei li jżur pazjenti bil-Covid-19 għal sostenn spiritwali 

Minn MARIA AZZOPARDI

Fr Bertrand Vella, Fr Mario Borg u Fr Elmar Pace huma tliet Kappillani ġewwa l-Isptar Mater Dei li f’dan il-mument qed jgħixu ‘l bogħod mill-kunvent tagħhom biex jagħtu sostenn spiritwali u essenzjali b’sens ta’ talb f’mumenti ta’ kriżi għall-persuni li huma l-aktar vulnerabbli saħansitra anke lill-pazjenti bil-Covid-19.

Inewsmalta tkellmet ma’ wieħed mill-Kappillani tal-Isptar Mater Dei, Fr Bertrand Vella fejn spjegalna li s-soltu kienu tim ta’ sitt kappillani li jagħtu servizz imma minħabba s-sitwazzjoni preżenti li qed ngħixu, għarfu li jibqgħu l-iktar tliet Kappillani żgħar filwaqt li jagħmlu l-ħin ta’ talb u jagħtu s-servizz tagħhom fuq bażi ta’ shift.

Dawn it-tliet Kappillani mhux qed imorru lura l-kunvent anke biex ma jkunx hemm ir-riskju li jieħdu xi mikrobi magħhom peress li fil-kunvent hemm l-anzjani u patrijiet li għandhom ċertu mard li jistgħu jkunu vulnerabbli.

Fr Bertrand qal li wieħed m’għandux jinsa li huma parti integrata fis-sistema medika fl-isptar u spjega li l-bniedem huwa ffurmat mill-ġisem, il-psike (jirraġuna), soċjali u spiritwali, għaliex il-bniedem mhux il-ġisem biss għandu imma hemm ukoll ir-ruħ u bħala Kappuċċini qed jieħdu ħsieb il-parti interna billi jagħtu s-sostenn spirtwali lill-pazjenti u lill-istaff tal-Isptar Mater Dei.

Sistema ta’ telfon jew tablet biex il-pazjenti jibqgħu jikkomunikaw

Fr Bertrand spjega li kellu diversi laqgħat ma’ tobba u speċjalisti fejn ġie diskuss dwar il-mod kif għandhom jipproċedu anke f’każ li n-numru ta’ każijiet jiżdiedu. Huwa qal li jekk persuna bil-virus tkun konxja u tixtieq titkellem magħhom, jadottaw sistema ta’ telefon jew tablet li dan se jkun disponibbli f’kull sala tant li ħafna mit-tablets diġà nxtraw. Din hija opportunità biex jekk il-persuna ma tkunx tista’ tmur hija nnifisha għax qiegħda kwarantina, huma xorta waħda jkunu jistgħu jibgħatu ritratt tal-għeżież tagħhom permezz ta’ sistema li qed tiġi użata wkoll fid-djar tal-anzjani.

Dan il-virus niżżilna għarkupptejna biex nirrealizzaw il-bżonn kbir ta’ Alla

Fr Bertrand Vella

F’każ li d-djalogu jkun xi ftit intimu spiritwalment u jagħti sinjali li l-pazjent irid iqerr, il-Kappillan jgħid lill-pazjent biex jgħid l-att tal-indiema filwaqt li hu jmur fit-tarf tas-sala u jagħti l-assoluzzjoni ġenerali. F’każ li pazjent ikun konxju u jkun jixtieq li jsir mument ta’ talb, allura hemmhekk, bħall-infermiera u t-tobba, il-Kappillani jilbsu ilbies protettiv kif meħtieġ u jmorru fejn il-pazjent.

“Nippruvaw inġibu dik in-naqra tbissima u tama għall-persuni li se jkunu rikoverati”

“Jekk kemm il-darba mbagħad pazjent ikun irid mill-ġdid jikkuntattjana nagħmlu lilna nfusna preżenti. Tawna aċċess biex inkunu viċin tal-pazjenti u l-istaff u nemmen ħafna li c-chaplaincy iġġib sens ta’ umanità. Min-naħa tagħna qed nippruvaw, bl-għajnuna t’Alla, li nġibu dik in-naqra tbissima u tama għall-persuni li se jkunu rikoverati,” qal Fr Bertrand.

Huwa żied jgħid li l-Isptar ġie mibdul f’temp ta’ ftit ġimgħat u dan ifisser ċertu żieda ta’ xogħol għal dak li qabel kienu mdorrijin għalih tant li wara ġurnata jkunu kemxejn eżawsti. “Pero din hija l-kariżma tagħna li tirrispondi ħafna l-oriġini tagħna. Diġà bdejna nżuru pazjenti bil-Covid-19 u l-istaff qed jassiguraw li aħna lebsin tajjeb u ma jiġrilna xejn. Nafu għalxiex deħlin… din hija parti mill-missjoni tagħna. F’diskors li l-Papa Pawlu 6 kien għamel lill-Kappuċċini huwa kien qal li fejn ħadd ma jrid imur, hemm issib is-sandli tal-Patri Kapuċċin,” qal Fr Bertrand.

Huwa żied jgħid li qed jevitaw kemm jista’ jkun ħafna ġiri u ġew imsejħa wkoll biex kemm jista’ jkun ma jilbsux iċ-ċoqqa. Huwa qal li din hija naqra diffiċli għalihom peress li ċ-ċoqqa tirrappreżentahom, imma jafu li dak kollu li qed jiġi rrakomandat biex isir huwa dejjem għall-ġid ta’ kulħadd.

Fr Bertrand Vella f’laqgħa mal-Papa Franġisku

“Nitlob lill-Mulej biex nibqgħu fuq saqajna sakemm tgħaddi din il-burraxka”

Fr Bertrand qal, “Kultant anke jien inħoss tensjoni biex ma nimradx għax m’hawnx min jieħu postna. Jekk allaħares jinqala’ xi ħaġa lil xi wieħed minna m’hawnx min jista’ jiġi minflokna. Nitlob lill-Mulej ħalli nibqgħu fuq saqajna sal-aħħar, sakemm tgħaddi din il-burraxka biex inkunu viċin tal-pazjenti u l-istaff.”

Huwa żied jgħid li dan il-virus niżżilna għarkupptejna biex nirrealizzaw il-bżonn kbir ta’ Alla, 

“għaliex dan il-virus għallimna li l-bniedem minkejja l-intelliġenza tiegħu huwa limitat u ma jistax jikkontrolla kollox. Bħala bnedmin ħsibna li għandna kontroll ta’ kollox. Missieri għandu 84 sena u etlu, ‘inti tiftakar il-gwerra, għext mument diffiċli’ u huwa qalli li din agħar mill-gwerra għax fil-gwerra tisma’ sirena u tidħol fix-xelter imma issa tiltaqa’ ma bniedem u jista’ jkun bomba għalik. Naqra ta’ virus inviżibbli ġabna għarkupptejna fis-sens li għarafna l-bżonn ta’ Alla fil-ħajja ta’ Alla. U dan huwa l-messaġġ – Alla huwa magħna, inkwetat magħna u għalina. Nemmen ħafna li bħalma karozza jkollha bżonn il-petrol, għalina huwa daqstant bżonjuż it-talb.”

“Saret preparazzjoni serja… nemmen li Malta għad toħroġ bl-unuri”

Huwa qal li t-talb huwa dak li jimliehom u fisser dwar l-importanza tal-mument ta’ talb fil-preżenza ta’ Ġesù. Fl-isptar Mater Dei inħass ħafna dan il-bżonn tant li għażlu li l-kappella tibqa’ miftuħa biex wieħed ikun jista’ jmur anke bħala wens, filwaqt li jżommu d-distanza bejn persuni oħra, in-nies ikunu jistgħu isibu l-mistrieħ għall-qalb imtaqqla u muġugħa proprju kif kien qal Ġesù: Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin.

Fr Bertrand qal li jemmen ħafna li f’Malta l-preparazzjoni li saret u li qed issir hija waħda serja tant li jemmen li Malta għad toħroġ bl-unuri. “Jien ilni ħmistax ngħix l-isptar u nista’ nixhed kemm sar xogħol u għadu qed jsir ippjanar kbir biex kemm jista’ jkun bħala poplu jkollu l-aħjar kura quddiem din it-theddida. Nixtiequ li ma nibżgħux. Imma għalina l-bniedem, marid jew le, lilna bħala Kapuċċini ma jbeżżagħniex. Nemmnu li persuna hija speċjali u rridu nwasslu l-umanità li hija maħbuba u rrispettata,” temm jgħid Fr Bertrand.

Ekonomija

Sport