Wednesday, March 27, 2024

“Il-booster jidher li se tagħtik immunità għal mill-inqas sena” – id-DPM Chris Fearne

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li d-doża addizzjonali, jiġifieri l-booster, jidher li tagħti immunità għal mill-inqas sena.

Waqt programm televiżiv fejn tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija, Fearne qal  li: “l-ewwel doża tagħtik immunità għal perjodu qasir. It-tieni doża tagħtik immunità għal perjodu bejn erba’ u sitt xhur. Il-booster jidher li se tagħtik immunità għal mill-inqas sena. Dan ifisser li mbagħad jiġri bħall-influwenza darba fis-sena, nieħdu t-tilqima tal-Covid ukoll. Bil-booster jekk il-poplu jikkopera biżżejjed daqskemm ħadna l-ewwel u t-tieni doża f’Malta mhux se jkollna problemi.”

Intant, ilbieraħ id-Deputat Prim Ministru ħabbar li mill-ġimgħa tal-Milied, se jinfetħu r-reġistrazzjonijiet għal dawk kollha li għandhom 35 sena u fuqhom biex minn Jannar dawn jibdew jingħataw il-booster.

Sas-Sibt b’kollox kienu ngħataw 990,949 dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19 li minnhom 152,430 kienu dożi tal-booster.

Meta hu nnifsu ħa l-booster, id-Deputat Prim Ministru qal li l-vaċċin ipproteġina matul is-Sajf u l-Ħarifa u l-booster se jipproteġina matul ix-Xitwa. Għalhekk, ħeġġeġ lil kulħadd biex meta jasal l-appuntament tiegħu, jagħmlu bħalu u jaċċettaw l-istedina biex jieħdu l-booster kontra l-Covid-19.

Ekonomija

Sport