Sunday, December 22, 2024

Il-BOV bi qligħ qabel it-taxxa ta’ €80.7 miljun fl-2021

Aqra wkoll

Il-BOV iħabbar riżultati finanzjarji b’saħħithom għall-2021 minkejja l-isfidi

Il-Grupp Bank of Valletta ħabbar qligħ qabel it-taxxa ta’ €80.7 miljun għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2021.

Ir-riżultati tal-Grupp tħabbru miċ-Chairman tal-BOV Dr Gordon Cordina u l-Kap Eżekuttiv Rick Hunkin permezz ta’ konferenza stampa virtwali.

Prestazzjoni finanzjarja tal-Grupp

  • Qligħ qabel it-taxxa ta’ €80.7 miljun (2020: €15.2 miljun)
  • Return on Equity qabel it-taxxa ta’ 7.3% (2020: 1.4%) u qligħ kull sehem ta’ 9.6 ċenteżmu meta mqabbel ma’ 2.4 ċenteżmu fl-istess perjodu fl-2020.

Il-prestazzjoni operattiva sottostanti tal-Bank turi fluss ta’ dħul reżiljenti, b’irkupru tajjeb mill-impatt tal-pandemija fl-2020 u tkabbir f’xi oqsma, parzjalment ikkumpensat minn spejjeż ogħla. Il-profitabbiltà ferm aktar b’saħħitha bbenefikat minn rilaxx nett ta’ Telf ta’ Kreditu Mistenni (‘ECLs’) li jirrifletti kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar meta mqabbla mal-2020 u titjib fl-assi tal-klijenti individwali.

Id-dħul operattiv totali operattiv żdied b’4.9% għal €242.9 miljun (meta mqabbel ma’ €231.6 miljun fl-2020). Id-dħul tal-Bank irkupra mil-livelli baxxi tal-2020 hekk kif id-dħul nett mill-imgħax baqa stabbli u d-dħul nett mill-kummissjoni żdied sostanzjalment.; madankollu d-dħul mill-kambju naqas minħabba tnaqqis ta’ negozju f’dan il-qasam.

  • Dħul nett mill-imgħax ta’ €156.3 miljun,  żieda ta’ €9.5 miljun meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
  • Kummissjonijiet netta ta’ €74.6 miljun, żieda ta’ €7.3 miljun, jew 10.9% aktar mis-sena finanzjarja 2020 u li huma ogħla mill-livelli ta’ qabel il-pandemija.

L-ispejjeż totali kienu ta’ €195.6 miljun, żieda ta’ €25.2 miljun jew 14.8%, li jinkludu l-ispejjeż għall-Istrateġija li żdiedu b’€7.3 miljun mis-sena ta’ qabel.

Il-fatturi ewlenin kienu:

• Żieda fl-ispejjeż relatati mal-imjegati ta’ €2.2 miljun, li jirrifletti l-ħtieġa li l-Bank jissodisfa r-rekwiżiti regolatorji fil-funzjonijiet tiegħu bħar-Riskju u l-Konformità, u li jsaħħaħ l-investimenti li għaddejjin f’ħiliet fl-oqsma diġitali.

• Il-Bank ġarrab b’kemm jiswew €6.1 miljun f’oġġetti speċifiċi bħall-multa ta’ €2.6 miljun imposta mill-Financial Intelligence and Analysis Unit (‘FIAU’) u nefqa ta’ €1.4 miljun relatata ma’ frodi fuq cards.

• Barra minn hekk, l-ispejjeż pagabbli lill-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti (‘DGS’) żdiedu b’€4.8 miljun matul is-sena hekk kif kompla t-tkabbir fid-depożiti tal-klijenti.

• Meta nneħħu l-impatt ta’ oġġetti li mhumiex mistennija li jirrepetu ruħhom, u żieda fil-kontribuzzjoni minħabba d-DGS, iż-żieda fl-ispejjeż tal-operat sottostanti kienet ta’ €5.7 miljun, jew 3.7%, prinċipalment xprunata minn investimenti fl-IT minħabba l-isforzi kostanti tal-Bank biex jimmodernizza u jiddiġitalizza is-sistemi ewlenin.

Ir-rilaxx nett ta’ ECLs ammonta għal €18.9 miljun, meta mqabbel mal-ħlas nett sostanzjali tal-2020 ta’ €65.1 miljun li kien ikkawżat primarjament mill-COVID-19 u Non-Performing Loans (“NPLs”) mill-passat.

Is-sehem tal-Grupp mir-riżultati tal-kumpaniji assoċjati tal-assigurazzjoni kien ta’ €14.5 miljun, żieda ta’ €4 miljun fuq is-sena ta’ qabel, attribwibbli għal irkupru ekonomiku qawwi, tkabbir sod fin-negozju tal-investimenti tagħna u likwidità sinifikanti fis-suq lokali.

Pożizzjoni Finanzjarja tal-Grupp

L-assi totali tal-grupp laħqu €14.4 biljun bħal sa l-aħħar tal-2021 – żieda ta’ 11.2% fuq is-sena ta’ qabel. Id-dDepożiti tal-klijenti żdiedu b’€904.6 miljun (8.0%).

Il-flus kontanti u l-fondi għal żmien qasir żdiedu b’€827.7 miljun jew 21.8% fuq is-sena ta’ qabel, biż-żieda straordinarja li tirriżulta mill-parteċipazzjoni tal-Bank fil-finanzjament Eurosystem TLTRO III matul l-ewwel kwart tal-2021.

Il-portafoll ta’ investimenti tal-Grupp kiber b’€260 miljun fuq is-sena ta’ qabel u magħmul minn highly rated secuities.

Is-self u l-avvanzi netti żdiedu b’€335 miljun, jew 6.9%, matul is-sena u sal-31 ta’ Diċembru 2021 kienu jlaħħqu l-€5.2 biljun.

Il-kopertura tal-ECLs ta’ ‘credit impaired assets’ tjiebet ukoll mis-sena ta’ qabel minn 50.0% għal 54.1%.

Il-proporzjon ta’ likwidità huwa ta’ 444% li jirrifletti t-tkabbir għoli tad-depożiti matul is-sena li qabeż id-domanda għas-self. Il-proporzjon ta’ self nett kontra d-depożiti tal-Grupp kien ta’ 44.1%.

Il-proporzjon CET1 żdied minn 20.9% għal 21.9%, u l-proporzjon tal-kapital totali tjieb minn 24.5% għal 25.5% sa tmiem Diċembru 2021.

Dividendi

Matul l-2021, ġie awtorizzat dividend interim gross ta’ €0.0264 għal kull sehem li jammonta għal €15.4 miljun (dividend ordinarju nett ta’ €0.0172 għal kull sehem li jammonta għal €10.0 miljun) li tħallas fit-28 ta’ Jannar 2022. Il-Bord tad-Diretturi m’għandux l-intenzjoni li jirrakkomanda dividend finali għas-Sena Finanzjarja 2021. Dan huwa konformi mal-isforzi kontinwi tal-Bord biex jimmassimizza l-valur tal-azzjonisti fit-tul fil-Bank.

Aġġornament Deiulemar

Il-każ Deiulemar għadu pendenti u sinifikanti. Wara tmiem is-sena, ingħatat sentenza kontra l-Bank mit-Tribunal ta’ Torre Annunziata fir-rigward ta’ dan il-każ. Dan l-eżitu ma jbiddilx l-aspettattivi tal-Grupp, abbażi tal-opinjonijiet ta’ esperti legali indipendenti, li l-każ kontra l-Bank se jinstab mingħajr mertu fil-Qorti ogħlja. Għaldaqstant kellux impatt fuq ir-riżultati finanzjarji, u minn dak iż-żmien, il-Bank appella s-sentenza. Barra minn hekk, il-Bank għadu jqis li jagħmel sens kummerċjali li jfittex li jsolvi din it-talba fuq livell li ma jiżboqx l-ispiża. Għal din ir-raġuni, il-Bank żamm l-istess offerta ta’ settlement lill-kontroparti (l-offerta ma ġietx aċċettata), mingħajr preġudizzju u mingħajr ammissjoni ta’ responsabbiltà. L-ebda dispożizzjoni ta’ litigazzjoni oħra ma tqieset meħtieġa għas-sena li għalqet fl-2021.

Aġġornament dwar il-Pjan Strateġiku – BOV 2023

Fl-2020 il-Bord approva strateġija li l-għan tagħha huwa li tieħu l-BOV fi vjaġġ ta’ trasformazzjoni diġitali fis-snin li ġejjin. Il-Bank nieda programm b’saħħtu ta’ trasformazzjoni għall-fergħat tagħna, kemm fil-qasam tal-operat, b’taħriġ mill-ġdid u kisba ta’ ħiliet ġodda tal-impjegati, u b’titjib fil-fergħat li raw it-tnedija tal-fergħa l-ġdida f’Tas-Sliema u b’fergħat oħra li qed jiġu mibdula mill-mudell tradizzjonali għal wieħed ġdid li huwa mfassal biex jilħaq il-ħtiġijiet tas-seklu 21.

Għamilna enfażi qawwija biex mexxejna t-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti lejn mezzi elettroniċi aktar effiċjenti. Dan wassal f’volumi sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet ipproċessati elettronikament filwaqt li naqqasna in-numru ta ċekkijiet ipproċessati b’aktar minn nofs.

Għalkemm għamilna progress tajjeb f’numru ta’ oqsma, kellna nibbilanċjaw ir-ritmu tal-bidla li nixtiequ nagħmlu, kemm minħabba l-ġestjoni tal-impjegati tagħna f’din it- trasformazzjoni kbira kif ukoll biex niżguraw li l-ambjent tar-riskju u l-kontroll tagħna jittejjeb kontinwament biex jiġi żgurat aħna kapaċi nilħqu r-rekwiżiti regolatorji attwali, kemm dawk ġodda kif ukoll dawk emerġenti. Il-Bank investa bis-sod fil-proċessi back-office fejn jidħol l-immaniġġjar tal-kreditu u l-immaniġġjar tal-ġid tiegħu biex ikollu kontrolli aktar b’saħħithom mingħajr ma’ jkollu impatt fuq is-servizz li noffru lill-klijenti. 

Minbarra dan il-vjaġġ ta’ trasformazzjoni, qegħdin ukoll ntejbu b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet tad-data interna tagħna, biex inifhmu aħjar lill-klijenti tagħna u nkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet aħjar u ibbażati fuq l-informazzjoni. Bħalissa għaddejjin numru ta’  proċessi ta’ titjib fil-kwalità tad-data, li se jkunu qed jappoġġjaw l-iżvilupp tal-prodotti fil-futur kif ukoll il-propożizzjonijiet tal-valur lill-klijenti.

Il-Bank għaddej minn perjodu ta’ trasformazzjoni sinifikanti u meħtieġ li se jwasslu f’pożizzjoni aħjar għal futur aktar sostenibbli. Din it-trasformazzjoni qegħda tpoġġi ammont ta’ xogħol sinifikanti fuq it-timijiet tagħna u toħloq inċertezza għat-timijiet kollha tagħna. Nixtieq minn hawn ngħid grazzi mill-qalb lill-impjegati kollha li jiffaċċjaw dawn l-isfidi u li qed jirrispondu daqshekk tajjeb għalihom, waqt li juru l-lealtà tagħhom lejn il-BOV. Jien kunfidenti li l-pjan strateġiku u ambizzjuż tagħna, li diġà beda juri sinjali bikrija ta’ titjib notevoli fil-mod kif noperaw u fil-kwalità tas-servizz li noffru lill-klijenti tagħna, se tittrasforma l-akbar bank Malti f’Bank aktar effettiv, effiċjenti u sostenibbli għall-futur.” irrimarka l-Kap Eżekuttiv Rick Hunkin.

Fl-istqarrija ta’ konklużjoni tiegħu iċ-Chairman tal-Grupp BOV Dr Gordon Cordina irrimarka li “l-2021 kienet sena oħra ta’ sfida li fiha l-Bank kompla jagħti l-appoġġ tiegħu lill-familji Maltin u lill-komunità tan-negozju. Fl-2022, nistennew li l-ekonomija Maltija tkompli tirkupra, u konsegwentement is-sentiment tan-negozju għandu jkompli fuq ix-xejra pożittiva li għaddej minnu, partikolarment fis-setturi relatati mat-turiżmu. Dan il-perjodu ta’ rkupru se jippreżenta opportunità għall-partijiet interessati kollha biex jibdew l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tagħhom għal wara l-pandemija, u b’hekk, ikomplu jsaħħaħ il-momentum tal-irkupru għalkemm mxekkel mill-impatt ekonomiku tal-gwerra fl-Ukrajna.”

Ekonomija

Sport