Sunday, December 22, 2024

Il-BOV b’telf nett ta’ €76.6 miljun fl-ewwel sitt xhur tas-sena … wara l-ftehim milħuq dwar il-każ ta’ Deiulemar

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta Group illum ħabbar ir-riżultati finanzjarji għall-ewwel sitt xhur tal-2022, li rreġistraw prestazzjoni kummerċjali inkoraġġanti fl-attivitajiet bankarji ewlenin tal-Bank. Dan kien ibbażat fuq tkabbir fil-volum, attività soda tal-klijenti u saħħa kontinwa fil-kwalità tal-kreditu. Il-linji ewlenin tad-dħul tal-Bank ikomplu juru tkabbir sod u l-pożizzjoni tal-kapital baqgħet b’saħħitha, bil-proporzjonijiet tal-kapital jinżammu ferm ogħla mir-rekwiżiti regolatorji.

Filwaqt li l-Bank of Valletta llum ħabbar profitt operattiv qabel it-taxxa ta’ €26.1 miljun, meta jitqies il-ftehim milħuq dwar il-litigazzjoni tad-Deiulemar, effettivament ir-riżultat finali juri telf nett ta’ €76.6 miljun għall-ewwel sitt xhur tas-sena 2022, filwaqt li t-telf nett irrappurtat wara t-taxxa kien ta’ €51.1 miljun.

Il-prestazzjoni finanzjarja tal-Bank kienet ikkaratterizzata minn profitt gross sottostanti qawwi, li ġej minn żieda ta’ €17.5 miljun jew 15.4% fid-dħul tal-Grupp matul l-istess perjodu mqabbel mal-2021. Id-dħul nett mill-imgħax kompla jkun il-mutur ewlieni b’ammont ta’ €87.2 miljun, żieda ta’ 18.8% fuq l-istess perjodu tal-2021. F’Ġunju tal-2022, l-assi totali tal-Grupp kienu jammontaw għal €14.4 biljun, li kien konformi mal-livelli ta’ Diċembru tal-2021. Self nett u avvanzi sal-aħħar ta’ Ġunju 2022 kienu jammontaw għal €5.3 biljun, rata ta’ tkabbir ta’ 4.3% fuq Diċembru 2021, filwaqt li l-pożizzjoni tal-likwidità baqgħet b’saħħitha ħafna bi flus kontanti u fondi għal żmien qasir jonqsu moderatament b’€226.1 miljun jew 4.9%.

Il-Bord iddeċieda li, minkejja r-riżoluzzjoni tal-litigazzjoni ta’ Deiulemar u l-prestazzjoni kummerċjali sostnuta tal-Bank matul l-ewwel nofs tal-2022, mhu qed jiġi ddikjarat l-ebda dividend interim. Din id-deċiżjoni qieset it-telf nett irrappurtat għall-perjodu li jirriżulta mill-ftehim relatat mal-litigazzjoni ta’ Deiulemar, u l-ħtieġa li jibqa’ allinjat mal-aspettattivi regolatorji f’dan il-kuntest.

“Qed inħejju bażi soda għal futur sabiħ għall-BOV”– Dr Gordon Cordina, Chairman tal-BOV

Meta ħabbar ir-riżultati interim, iċ-Chairman tal-BOV, Dr Gordon Cordina, stqarr li dawn ir-riżultati huma indikazzjoni ċara li qed titħejja bażi soda għal futur sabiħ għall-BOV. Sostna wkoll li l-prestazzjoni tal-Bank fl-ewwel nofs tas-sena, għalkemm affettwata mis-soluzzjoni barra l-qorti tal-każ Deiulemar, baqgħet b’saħħitha.

Dr Cordina għamel referenza għal fatt li Malta mhux se tibqa’ suġġetta għall-proċess ta’ monitoraġġ miżjud tal-FATF. “Dan elimina r-riskju ta’ status fit-tul fil-lista l-griża, li eventwalment seta’ affettwa l-prestazzjoni tal-BOV u l-kapaċità tagħna li naqdu lill-klijenti b’mod effettiv”. Huwa enfasizza wkoll dwar l-irkupru ekonomiku progressiv ta’ Malta mit-tnaqqis ikkawżat mill-pandemija, li fi kliemu stess ippermetta lill-Bank jirrilaxxa l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tar-riskju tal-kreditu li kien fadal assoċjati mal-COVID-19. Minkejja dan, ikkummenta Dr Cordina, “dan l-impatt kien megħlub mill-provvediment addizzjonali tar-riskju ta’ kreditu li l-Bank ħadem b’mod prudenti biex jilqa’ għar-riskji ġodda li nħolqu kaġun tal-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja”.

Dr Cordina għamel referenza għat-tħabbira mill-Bank Ċentrali Ewropew li biħsiebu jgħolli progressivament ir-rati tal-imgħax. “Filwaqt li dan l-iżvilupp joffri lill-BOV l-opportunità li jiffranka l-ispejjeż imġarrba minħabba r-rati negattivi li ġew mitluba lill-banek meta jiddepożitaw likwidità żejda mal-Bank Ċentrali, il-BOV se jkun qed jevalwa kif se jevolvu l-kundizzjonijiet finanzjarji u ta’ likwidità kemm fl-isfera internazzjonali kifukoll f’Malta, biex jevalwa rati ta’ imgħax xierqa fuq is-self u d-depożiti offruti lill-klijenti tagħna.”

Fir-rimarki konklussivi tiegħu, Dr Cordina kkummenta dwar l-istrateġija tal-BOV dwar l-ESG. “Il-BOV se jaħdem biex fl-operat tiegħu ma jkunx hemm emissjonijiet, kif ukoll se jmur gradwalment lejn self aktar ekoloġiku u parteċipazzjonijiet ta’ assi finanzjarji, u jiffoka fuq it-titjib tal-litteriżmu finanzjarju u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali.”

“Wirja inkoraġġanti tal-BOV fl-oqsma bankarji ewlenin” – is-Sur Rick Hunkin, Kap Eżekuttiv tal-BOV

Is-Sur Rick Hunkin, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, għamel referenza għal wirja kummerċjali inkoraġġanti tal-BOV fl-attivitajiet bankarji ewlenin fl-ewwel nofs tas-sena. “Il-linji ewlenin tad-dħul tagħna jkomplu juru tkabbir kostanti, minkejja l-impatt negattiv tar-rata tal-imgħax. B’kumpens għal dan, inkomplu niffaċċjaw spejjeż li qed jogħlew b’mod partikolari relatati maż-żieda fl-ispejjeż tal-impjegati tagħna u l-kontribuzzjonijiet dejjem jiżdiedu li rridu nkopru relatati mal-Iskema ta’ Kumpens għad-Depożiti, li kibret skont it-tkabbir sinifikanti tad-depożiti tagħna”.

Fir-rigward tal-prijoritajiet strateġiċi tal-Bank matul l-ewwel sitt xhur tal-2022, is-Sur Hunkin identifika l-ħtieġa li jinħoloq bilanċ bejn it-twassil tar-rekwiżiti regolatorji u ta’ konformità fl-istess waqt li jitkompla l-progress fl-inizjattivi mmirati lejn it-titjib tas-servizz u l-effiċjenza tal-konsumatur. Sar progress tajjeb fis-simplifikazzjoni tal-proċess tas-self għad-djar, b’awtomazzjoni antiċipata mmirata biex it-twassil tas-servizz lejn il-konsumatur isir ħafna aktar mgħaġġel.

Il-Kap Eżekuttiv tkellem ukoll dwar il-pjan ta’ modernizzar tal-fergħat tal-Bank of Valletta. “Wara l-bidliet li għamilna fl-2021, tliet fergħat oħra ngħataw dehra aġġornata, ekoloġika, u msejjsa fuq il-ħtiġijiet tal-klijent. Ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni issa se jiġi estiż għal fergħat addizzjonali li huma parti min-netwerk tagħna.”

Fil-kummenti konklussivi tiegħu, is-Sur Hunkin iddikjara li l-Bank huwa konxju ħafna tal-ħtieġa li jevolvi kontinwament, jadatta għad-dinja li dejjem qed tinbidel u jaħdem lejn perspettiva aktar sostenibbli u stabbli. “Il-fokus ewlieni tagħna jibqa’ fuq is-simplifikazzjoni tal-proċessi għall-klijenti tagħna permezz ta’ diġitalizzazzjoni kontinwa, flimkien ma’ evoluzzjoni tal-proċess li jinvolvi lill-klijenti biex jitwassal titjib fis-servizz u fl-effiċjenzi.”

Kemm Dr Cordina kif ukoll is-Sur Hunkin irringrazzjaw lill-Azzjonisti tal-appoġġ kontinwu tagħhom, kif ukoll lit-Tim Eżekuttiv u l-istaff għax-xogħol siewi u l-impenn tagħhom li kienu strumentali fir-riżultat finanzjarju miksub mill-Bank.

Ekonomija

Sport