Thursday, October 31, 2024

Il-BOV jappoġġja Kollezzjoni ta’ Midalji Storiċi tat-Tieni Gwerra Dinjija ta’ Fondazzjoni Wirt Artna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fondazzjoni Wirt Artna, b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta nediet ‘The Historic Medal Chests’, kollezzjoni ta’ midalji militari mogħtija lil ċittadini Maltin jew nies li servew f’Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-pubbliku jista’ jara dan is-sett ta’ sniedaq bil-midalji jekk iżur il-Malta at War Museum fil-Birgu, il-Forti Rinella fil-Kalkara u l-Lascaris War Rooms fil-Belt Valletta. 

Il-kollezzjonijiet tal-midalji ġew imqassma skont ir-rilevanza għall-mużew rispettiv. Pereżempju, dawk fil-Malta at War Museum jinkludu l-medalji ta’ dawk li servew matul l-Assedju ta’ Malta ta’ bejn l-1940 u l-1943. Kull sett ta’ midalji huwa akkumpanjat minn ritratt u nota bijografika qasira dwar il-persuna tas-servizz, kif ukoll badge tal-unit taħt xiex servew. Kważi l-medalji kollha li huma għall-wiri ġew mogħtija mill-familji tagħhom.

Charles Azzopardi, Eżekuttiv tal-PR u Marketing fil-Bank of Valletta iltaqa’ ma’ Mario Farrugia, Ċermen u CEO tal-Fondazzjoni Wirt Artna, biex jara dawn il-kollezzjonijiet tant prestiġjużi.

‘L-importanza tar-rwol ta’ Malta u r-reżistenza qalbiena tagħha fit-Tieni Gwerra Dinjija hija magħrufa ma’ kulħadd, u din ġiet formalment rikonoxxuta meta l-pajjiż ingħata l-George Cross for Gallantry f’April tal-1942,’ qal is-Sur Farrugia. ‘Din il-ġabra ta’ midalja tidħol iktar fil-fond fl-individwi u l-atti erojiċi tagħhom li kienu kruċjali fil-qagħda mwiegħra ta’ Malta kontra l-qawwa tal-forzi tal-għadu.’

‘Uħud minn dawn il-midalji huma rari ħafna u uniċi, u jagħtu ġieħ lil missirijietna li ffaċċjaw sfidi terribbli biex jiddefendu lil pajjiżhom,’ kompla ċ-Ċermen tal-FWA. ‘Nieħdu din l-opportunità biex inħeġġu lill-pubbliku iżur il-Malta at War Museum, u jgawdi din il-kollezzjoni ta’ medalji, fost l-eluf ta’ artefatti storiċi, li jgħinuna nifhmu minn xiex għadda pajjiżna, u kif għal darb’oħra Malta ħarġet rebbieħa fi żminijiet diffiċli.’

‘Matul dawn iż-żminijiet turbulenti, ma rridux ninsew il-passat tagħna, u dak kollu li pajjiżna għadda minnu matul l-istorja tagħna,’ qal Charles Azzopardi. ‘Minbarra li jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ekonomija u n-negozji matul il-pandemija COVID-19, il-Bank of Valletta kompla jappoġġja l-kultura Maltija permezz tal-Programm fil-Komunita` estensiv tiegħu.’

‘Ir-relazzjoni tal-Bank ma’ Fondazzjoni Wirt Artna tmur lura ħafna snin fejn flimkien lestejna bosta proġetti storiċi,’ għalaq is-Sur Azzopardi.

Aktar informazzjoni dwar Fondazzjoni Wirt Artna u l-mużewijiet tagħha tinstab fuq https://www.wirtartna.org.

Sport