Il-Bank of Valletta huwa kburi li appoġġja lil Ġemma fl-iżvilupp tal-App RetireSmart, li tnediet reċentement mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Din l-għodda ġdida għall-ippjanar tal-irtirar tgħin lin-nies jikkalkulaw il-pensjoni statali potenzjali tagħhom u biex jindirizzaw id-differenza fid-dħul meta jaslu għall-irtirar.
Waqt li kien qed jitkellem dwar din l-inizjattiva, li hija appoġġjata wkoll minn Mapfre MSV Life, Dr Gordon Cordina, fil-kariga tiegħu ta’ Chairperson tal-BOV kif ukoll ta’ Mapfre MSV Life, saħaq fuq l-importanza tal-ippjanar finanzjarju f’Malta, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni qed tixjieħ. Huwa qal li s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet f’Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri tiddependi fuq kemm il-pajjiż jantiċipa l-isfidi li qed jaffaċċja bħalissa u li se jaffaċċja fis-snin li ġejjin, sabiex jittieħdu passi proattivi li jiżguraw kumpens adegwat matul il-perjodu kruċjali tal-irtirar.
Dr Cordina, irrimarka: “RetireSmart hija għodda importanti għall-ippjanar u biex tittieħed azzjoni, li tgħin lin-nies ikunu infurmati aħjar u jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom għall-benesseri finanzjarju fit-tul. It-tnedija tal-App RetireSmart hija l-ewwel pass kruċjali, hekk kif hemm potenzjal għal aktar żvilupp, fost oħrajn, biex jiġu offruti servizzi oħra li jagħtu s-setgħa lin-nies ikunu ppreparati aħjar għall-futur, u b’hekk tissaħħaħ is-sistema tal-pensjonijiet f’Malta.”
Simon Azzopardi, BOV Chief Personal and Wealth Officer, saħaq fuq l-importanza tal-benesseri u l-ħtieġa li l-ippjanar jibda kmieni. “Fil-Bank of Valletta, nemmnu li l-edukazzjoni finanzjarja hija kruċjali għall-benesseri fit-tul. Li wieħed iġemma għall-pensjoni huwa wieħed mill-aktar investimenti importanti li n-nies jistgħu jagħmlu, u permezz ta’ inizjattivi bħal din is-sħubija ma’ Ġemma u kollaboraturi oħra, aħna impenjati li nipprovdu lin-nies l-għarfien u l-għodod meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati dwar il-pensjonijiet u s-soluzzjonijiet tal-assigurazzjoni.”
Din l-inizjativa tallinja mal-isforzi tal-Bank biex itejjeb l-edukazzjoni finanzjarja f’Malta. Fost l-inizjattivi li qed iwettaq il-Bank: kampanji edukattivi, sħubija mal-komunità, u t-tnedija ta’ għodod bħall-App RetireSmart, li kollha huma mfassla biex jgħinu lill-pubbliku jikseb aktar flessibbiltà finanzjarja. Iċ-Ċentri tal-Benesseri Finanzjarju tal-Bank fil-Floriana u f’Ta’ Sannat, kif ukoll il-ħames Ċentri tal-Investiment madwar Malta u Għawdex, jipprovdu wkoll appoġġ essenzjali lill-klijenti tal-Bank li jixtiequ jiddiskutu u jinvestu fil-futur finanzjarju tagħhom.

