Friday, July 25, 2025

Il-BOV Jesplora Opportunitajiet Ġodda ta’ Kollaborazzjoni Biex Isostni u Jespandi Servizzi Essenzjali ta’ Kura Paljattiva

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta (BOV) tenna l-impenn tiegħu li jagħti appoġġ lill-komunitajiet lokali permezz ta’ żjara riċenti lil Hospice Malta minn membri tat-tim ta’ tmexxija tiegħu. Id-delegazzjoni, li inkludiet iċ-Chairperson Dr Gordon Cordina, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, iċ-Chief Operations Officer Ernest Agius u Antoinette Caruana f’isem il-Fondazzjoni Bank of Valletta, żaret il-kumpless St Michael Hospice fejn ingħatat informazzjoni dwar is-servizzi olistiċi ta’ kura paljattiva offruti mill-organizzazzjoni. 

Iż-żjara enfasizzat l-appoġġ fit-tul tal-BOV għal Hospice Malta, li l-missjoni tagħha hija li tipprovdi kura paljattiva bla ħlas lill-pazjenti b’mard terminali, filwaqt li toffri appoġġ essenzjali fiżiku, psikoloġiku u emozzjonali kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-qraba tagħhom. It-tim ta’ Hospice Malta akkumpanja lid-delegazzjoni tal-BOV fi żjara mal-kumpless state-of-the-art u qasam il-viżjoni għall-ġejjieni tiegħu u l-ħtiġijiet attwali fl-għoti ta’ kura speċjalizzata b’kompassjoni u dinjità.

“L-impenn tagħna lejn Hospice Malta huwa riflessjoni tal-valuri tagħna bħala Bank tal-komunità,” qal Dr Gordon Cordina. “Il-kura u l-kompassjoni murija hawnhekk hija tfakkira b’saħħitha tal-importanza li nappoġġjaw lil dawk l-aktar vulnerabbli fostna.” Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia żied jgħid, “Bħala organizzazzjoni b’għeruq fondi fil-komunità tagħna, nemmnu li nagħmlu impatt pożittiv li jmur lil hinn mis-servizzi finanzjarji. Il-ħidma ta’ Hospice Malta tolqot il-ħajja ta’ bosta, u aħna onorati li nkomplu nikkontribwixxu għal dan is-servizz essenzjali.”

F’isem il-Fondazzjoni Bank of Valletta, Ernest Agius qal, “L-appoġġ tagħna lil Hospice Malta jimxi  id f’id mar-responsabilità tagħna li nħallu impatt pożittiv fis-soċjetà. Lil hinn mill-appoġġ finanzjarju, il-Bank, permezz tal-Fondazzjoni Bank of Valletta, huwa ħerqan li jesplora opportunitajiet għal kollaborazzjoni, inkluż permezz ta’ inizjattivi ta’ volontarjat u kampanji ta’ għarfien, bil-għan li niżguraw li dan is-servizz eċċezzjonali jibqa’ jirnexxi.”

Din iż-żjara serviet ukoll bħala pjattaforma biex jiġu esplorati modi ġodda ta’ kooperazzjoni, li tirrinforza l-impenn kontinwu tal-BOV biex isaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu ma’ Hospice Malta kemm permezz ta’ mezzi finanzjarji kif ukoll mezzi oħrajn. 

Bħala waħda mill-istituzzjonijiet ewlenin f’Malta mmexxija mill-komunità, il-Bank of Valletta jibqa’ ddedikat li jippromwovi l-benesseri fil-gżejjer Maltin, filwaqt li jibni sħubija ma’ organizzazzjonijiet li jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport