Monday, December 23, 2024

Il-BOV jiċċelebra d-diversità matul il-pride week

Aqra wkoll

Waqt li ngħaqad fiċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-Pride Week, il-Bank of Valletta organizza Casual Day nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru. L-impjegati kollha tiegħu attendew għall-qadi ta’ dmirijiethom b’ilbies każwali. Bil-ħsieb li jibnu relazzjonijiet interpersonali aktar b’saħħithom, jiċċelebraw id-diversità u jirrispettaw l-individwalità ta’ kull membru tat-tim, l-impjegati tal-Bank ġew imħeġġa jilbsu kuluri tal-qawsalla u jieħdu ritratti tat-tim rispettiv tagħhom. B’dan il-mod, mhux biss kienu qed juru l-appoġġ tagħhom lejn il-komunità LGBTIQ+ iżda wkoll jissottolinjaw l-importanza tad-diversità u l-inklużjoni.

Timijiet minn madwar il-Bank bagħtu diversi ritratti u testimonjanzi, ewlenin fosthom it-tim tal-fergħa tal-BOV Tas-Sliema li ppromwova t-tema ‘Tim Wieħed, Komunità Waħda, IMĦABBA Waħda’, filwaqt li dawk tal-fergħa tal-BOV tal-Gżira enfasizzaw li ‘L-imħabba u ’l hena qatt ma jistgħu jkunu żbaljati!’. L-istaff fil-fergħa tal-BOV ta’ Bormla għażlu t-tema ‘Kun kif inti, u dan se jkun ħafna aħjar milli tixtieq tkun xi ħaġa oħra.’

“Nemmnu f’kawżi li huma daqstant importanti fis-soċjetà tagħna”

Meta tkellem dwar l-inizjattiva, Ray Debattista, f’isem People and Change fi ħdan il-BOV, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-rispons kbir lejn l-inizjattiva. “Wara assenza ta’ kważi tliet snin, aħna ninsabu sodisfatti li nistgħu nerġgħu norganizzaw inizjattivi bħal dawn, u naraw lill-impjegati tagħna jieħdu sehem f’kawżi daqshekk importanti. Bħala Bank of Valletta, nemmnu bis-sħiħ li niżguraw li n-nies tagħna jkollhom vuċi u jkunu komdi jesprimu l-opinjoni tagħhom. Permezz ta’ din l-attività, ridna nwasslu dan il-messaġġ importanti u nuru l-appoġġ tagħna lejn dan l-avveniment.”

Il-Bank estenda wkoll l-appoġġ tiegħu lill-Kunsill Malti taż-Żgħażagħ li jaħdem biex iqajjem kuxjenza u jeduka lill-pubbliku dwar prattiċi relatati mas-saħħa sesswali, filwaqt li jippromwovi l-ittestjar u jaħdem biex tinqered l-istigma lejn membri tal-komunità LGBTIQ+.

Biex jintwera dan l-appoġġ, il-faċċata tal-fergħa tal-Bank fi Triq ir-Repubblika, fil-Belt Valletta ġiet imlibbsa b’bandalori li jippromwovu l-imħabba fil-forom kollha tagħha. Dawn l-inizjattivi komplew isaħħu l-irwol importanti li għandu l-Bank of Valletta fil-komunità lokali.

Ekonomija

Sport