Sunday, December 22, 2024

Il-BOV jikkjarifika t-tariffa amministrattiva għan-negozji

Aqra wkoll

B’reazzjoni għall-aħbar li dehret f’xi sezzjonijiet tal-istampa rigward tariffa amministrattiva riveduta għan-negozji, il-Bank of Valletta jixtieq jiċċara l-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

Il-Bank informa lill-klijenti tan-negozju tiegħu, li t-tariffa amministrattiva ta’ kull xahar kellha tiżdied sabiex tirrifletti l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi Kontra r-Reati Finanzjarji (AFC). Dawn ir-rekwiżiti regolatorji u l-proċessi u l-kontrolli marbuta magħhom, komplew isiru iżjed rigorużi u onerużi f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rekwiżiti jirriflettu wkoll il-qasam ġudizzjarju u legali tal-pajjiż fejn il-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus, reati finanzjarji, u attivitajiet kriminali relatati huma ta’ priorità ewlenija fuq livell nazzjonali.

Il-prattiċi tal-Bank Kontra r-Reati Finanzjarji kif riflessi fil-qafas Regolatorju u ta’ Konformità tal-Bank, kellhom jiġu msaħħa sostanzjalment fl-aħħar snin sabiex jibqgħu allinjati mar-rekwiżiti regolatorji dejjem jevolvu u mal-aspettattivi superviżorji. Dan essenzjalment jinvolvi investiment sostanzjali u kontinwu sew mil-lat ta’ riżorsi umani kif ukoll minn perspettiva teknoloġika. Dan l-investiment huwa wieħed kritiku mhux biss għall-Bank iżda wkoll għall-istabbilità finanzjarja tal-pajjiż u għall-klijenti in ġenerali, b’tali mod li jitħaddan ambjent ideali għat-tkabbir u l-investiment.

It-tariffa l-ġdida, li tidħol fis-seħħ minn Frar 2023, kienet diskussa fit-tul mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u ma nstabet l-ebda oġġezzjoni għaliha. Din it-tariffa li se tiswa lil kull negozju mhux iżjed minn €360 fis-sena, taqbel ma’ tariffi oħra simili li banek oħra diġà ilhom li implimentaw u hija proprzjonata mas-servizzi li l-klijenti tan-negozju diġà jirċievu. It-tariffi applikati mill-Bank of Valletta huma moderati meta mqabbla ma’ banek oħra lokali u internazzjonali. Filwaqt li r-regolazzjoni Kontra r-Reati Finanzjarji hija applikabbli għal kull tip ta’ klijent li jżomm kont bankarju attiv, din it-tariffa hija applikata biss fuq kontijiet għal klijenti tan-negozju fejn il-livell ta’ assessjar fuq KYC (Kemm Taf lill-Klijent) u Due Diligence huma iżjed esiġenti. Huwa importanti wkoll li jiġi ċċarat li klijenti personali (individwi) u ħaddiema li jaħdmu għal rashom (sole-traders) ġew eżentati minn din it-tariffa.

Il-Bank qed jistinka sabiex jinstab bilanċ bejn l-isforzi sabiex tiġi servuta l-komunità tan-negozju bl-aqwa mod possibbli, u fl-istess waqt jiġi żgurat li l-Bank josserva r-regolazzjoni u jiġġieled il-kriminalità finanzjarja b’manjiera proattiva. Il-Bank japprezza li ż-żieda fl-ispejjeż għan-negozji qed iġġib magħha diversi sfidi. Madankollu l-Bank huwa konxju li permezz tal-investiment  f’qafas robust u wiesgħa Kontra r-Reati Finanzjarji, ikun jista’ jintlaħaq ambjent ekonomiku sostenibbli maħsub sabiex jiġġenera iktar investiment u tkabbir.

Ekonomija

Sport