Wednesday, April 24, 2024

Il-Kroazja fit-tielet post b’rebħa fuq il-Marokk

Aqra wkoll

Kroazja … 2

Marokk … 1

Fil-play-off għat-tielet u r-raba’ post, il-Kroazja għelbet lill-Marokk bl-iskor ta’ 2-1, bit-tliet goals li huma jaslu fl-ewwel taqsima, biex b’hekk il-Kroati temmew fit-tielet post ta’ din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar.

Il-Kroati għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor fis-seba’ minuta, meta minn freekick Lovro Majer għadda tajjeb lejn Ivan Perisic li b’daqqa ta’ ras b’lura serva lil Josko Gvardiol li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-isbaħ oħra tefa’ ġewwa biex irriżulta wieħed mill-isbaħ goals ta’ din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja sa issa.

Iżda huma bilkemm ċans jifirħu għal dan il-goal li l-Marokkini ma ġabux l-iskor indaqs żewġ minuti biss wara meta minn freekick ta’ Hakim Ziyech, Lovro Majer kien għoddu kkoammetta auto-goal b’daqqa ta’ ras, b’Achraf Dari jirreaġixxi malajr u permezz ta’ daqqa ta’ ras oħra jitfa’ ġewwa b’dan ikun l-ewwel goal internazzjonali tiegħu bil-flokk tal-Marokk.

Madankollu, il-Kroazja reġgħu qalbu l-iskor favurihom fit-42 minuta meta Mateo Kovacic għadda tajjeb lejn Livaja li serva lil Mislav Orsic li kellu x-xutt mill-ewwel tieghu li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper tal-Marokk, Yassine Bounou.

Fit-tieni taqsima, il-Marokk għamlu minn kollox biex iġibu l-iskor indaqs u b’hekk jisfurzaw il-ħin barrani, iżda l-Kroati komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita, biex assiguraw ruħhom mit-tielet post. 

Kroazja: Dominik Livakovic, Josip Stanisic, Josip Sutalo, Josko Gvardiol, Ivan Perisic, Luke Modric, Mateo Kovacic, Lovro Majer (Mario Pasalic 66), Andrej Kramaric (Nikola Vlasic 61), Mislav Orsic (Kristijan Jakic 95), Marko Livaja (Bruno Petkovic 66) Coach: Zlatko Dalic

Marokk: Yassine Bounou, Acraf Hakimi, Jawad El Yamiq (Selim Amallah 66), Achraf Dari (Badr Benoun 64), Yahia Attiyat Allah, Bilal El Khannous (Azz-Eddine Ounahi 56), Sofyan Amrabat, Abdelhamid Sabiri (Ilias Chair 46), Hakim Ziyech, Youssef En-Nesyri, Sofiane Boufal (Anass Zaroury 64) Coach: W. Regragui

Referee: Abdulrahman Al Jassim (Qatar)

Ammoniti: A. Ounahi, S. Amallah (M)

Sport