Wednesday, July 24, 2024

Il-BOV jlaqqa’ il-50 laqgħa ġenerali annwali tiegħu

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta laqqa’ il-50 Laqgħa Ġenerali Annwali tiegħu li matulha, iċ-Chairman tal-BOV, Dr Gordon Cordina, u l-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, flimkien mad-Diretturi tal-Bank, iltaqgħu mal-azzjonisti biex jippreżentaw il-prestazzjoni tal-Grupp BOV għas-sena 2023 u jipproponu diversi riżoluzzjonijiet għall-approvazzjoni lill-azzjonisti tal-Bank, li jinkludu dividend gross finali ta’ €0.1162 għal kull sehem (li jirrappreżenta ħlas gross ta’ €67.9 miljun).

Dan jinkludi dividend interim ta’ €0.0462 għal kull sehem (li jirrappreżenta ħlas gross ta’ €27.0 miljun) diġà mħallas lill-azzjonisti nhar is-6 ta’ Diċembru 2023 u d-dividend propost ta’ €0.0700 għal kull sehem (li jirrappreżenta ħlas gross ta’ €40.9 miljun). Ir-riżoluzzjonijiet kollha proposti għall-konsiderazzjoni tal-azzjonisti ġew approvati.

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali ġabet fi tmiemha wkoll il-mandat tad-diretturi Kevin J. Borg u Elizabeth Camilleri rispettivament, wara li dawn għażlu li ma jerġgħux jinħatru fil-Bord. Dan wassal għal żewġ karigi vakanti ta’ Direttur Mhux Eżekuttiv, b’Dr Christian Bonnici West u Dr Jonathan Spiteri maħtura fil-Bord. Il-ħatra tagħhom hija soġġetta għal approvazzjoni regolatorja u ssir effettiva mid-data tal-approvazzjoni.

Insostnu l-impenn tagħna lejn l-azzjonisti, il-klijenti u lejn pajjiżna – Dr Gordon Cordina

Waqt li kien qed jindirizza lill-azzjonisti waqt il-laqgħa, Dr Cordina ikkummenta li “l-2023 kienet sena pożittiva ħafna għall-Grupp Bank of Valletta, li rreġistra profitti b’saħħithom f’sitwazzjoni ta’ rati pożittivi tal-imgħax. Il-prestazzjoni tal-Bank tidher fil-kuntest ta’ xenarju ekonomiku li, minkejja r-rati għoljin ta’ imgħax, inflazzjoni għolja, u inċertezza, ra l-ekonomija Maltija tkompli tikber b’pass sostnut”.

Dr Cordina ikkummenta dwar il-karta tal-bilanċ tal-Bank, li qabżet l-€14-il biljun fl-aħħar tal-2023. “Il-karta tal-bilanċ tal-Bank tammonta għal kważi nofs l-assi totali tal-banek domestiċi ewlenin ta’ Malta. Is-sehem tas-suq tal-BOV għall-2023 kien kemxejn ogħla minn 40% fir-rigward ta’ self korporattiv u depożiti personali, u ftit inqas fil-każ ta’ self għad-djar. Din l-istatistika tenfasizza biċ-ċar l-importanza sistemika tal-BOV, u l-irwol kruċjali li għandu l-Bank biex isostni l-ekonomija lokali. 

It-tkomplija tal-ħlas tad-dividend, appoġġjat mis-sigurtà offruta mill-kapitalizzazzjoni u l-likwidità qawwija tal-Bank, kienet ukoll kisba ewlenija fl-2023. Il-ħlas tad-dividend fl-2023 kien wieħed mill-ogħla distribuzzjoni ta’ dividend mħallsa f’dawn l-aħħar snin. Dan tqassam wara li tqieset l-ambizzjoni tat-tkabbir tal-Bank u r-rekwiżiti kapitali korrispondenti, l-affordabbiltà, kif ukoll l-aspettattivi regolatorji u tal-azzjonisti. Dan l-approċċ strutturat huwa mmirat biex jiżgura s-sostenibbiltà tal-ħlasijiet ta’ dividendi fil-futur u jappoġġa l-impenn tagħna għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-azzjonisti, il-klijenti, u l-ekonomija in ġenerali.”

50 Sena nfasslu l-ekonomija Maltija – Kenneth Farrugia

Waqt l-indirizz tiegħu, il-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-prestazzjoni notevoli rreġistrata mill-Bank fl-2023. “Il-prestazzjoni finanzjarja tal-Bank of Valletta kienet bla dubju waħda mill-aqwa li l-Bank rreġistra matul l-istorja tiegħu ta’ 50 sena, bi tkabbir qawwi fid-dħul miksub fin-negozju ewlieni kollu. Iż-żieda fir-rati tal-imgħax, is-saħħa tal-karta tal-bilanċ tagħna, il-qafas robust tal-ġestjoni tar-riskju, u t-tkabbir organiku fil-linji tan-negozju ewlenin, kienu kollha fatturi ewlenin tar-riżultati finanzjarji rreġistrati matul is-sena li għaddiet.”

Kenneth Farrugia rrefera wkoll għall-għanijiet strateġiċi stabbiliti mill-Bank għall-perjodu 2024-2026 u kkummenta li hemm diversi bidliet fundamentali fis-seħħ biex jissaħħaħ il-mudell tan-negozju u operattiv tal-Bank, li jappoġġjaw l-ispunti strateġiċi ewlenin matul it-tliet snin li ġejjin.

Wieħed mill-oqsma fejn il-BOV ilu jieħu rwol aktar prominenti huwa fil-qasam tal-ESG, bil-Kap Eżekuttiv jsemmi l-programm ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-Bank, titjib fl-effiċjenzi operazzjonali, kif ukoll tkabbir fis-self ekoloġiku kummerċjali u personali. “Ninsab kuntent ninnota l-pożizzjoni ta’ tmexxija li qed jieħu l-Bank fuq kwistjonijiet relatati mal-ESG. Fl-2023 rajna 33% tal-faċilitajiet totali sanzjonati f’self bi kredenzjali ħodor. Introduċejna inċentivi fil-mudell tal-ipprezzar tal-kreditu tagħna biex nappoġġjaw lill-klijenti tagħna fit-tranżizzjoni li tagħti każ l-ambjent, filwaqt li min-naħa tal-investiment rajna 9.3% tal-istrumenti totali mixtrija mwettqa f’Investimenti tat-Teżor Sostenibbli. Minbarra l-ESG, nkomplu niffukaw fuq il-klijenti tagħna. Id-diġitalizzazzjoni tal-mudell operattiv tagħna tibqa’ prijorità u għaddejjin diversi inizjattivi biex jiġi żgurat li nwasslu l-esperjenza tas-servizz mistennija mill-klijenti tagħna fil-firxa ta’ mezzi fiżiċi, diġitali u ibridi.”

Fir-rimarki tal-għeluq tiegħu esprima gratitudni lill-azzjonisti, l-impjegati, il-klijenti tal-Bank u l-Membri tal-Bord u l-Kumitat Eżekuttiv għall-impenn, il-passjoni, l-entużjażmu, u l-appoġġ bla waqfien tagħhom, hekk kif il-Bank ikompli l-mixja tiegħu lejn tkabbir u suċċess kontinwu.

Kompożizzjoni tal-Bord il-ġdid

Bis-Sur Kevin J Borg u s-Sinjura Elizabeth Camilleri ma jġeddux il-ħatra tagħhom fil-Bord tad-Diretturi, u bin-nomina ta’ Dr Christian Bonnici West u Dr Jonathan Spiteri biex jokkupaw ir-rwol ta’ Direttur Mhux Eżekuttiv, il-Bord tad-Diretturi l-ġdid huwa kompost kif ġej:

GORDON CORDINA DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV U CHAIRMAN

NICOLA ANGELI DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

CHRISTIAN BONNICI WEST* DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

DIANE BUGEJA DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

ANATOLI GRECH DIRETTUR EŻEKUTTIV

JAMES GRECH DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

KENNETH FARRUGIA DIRETTUR EŻEKUTTIV

ANITA MANGION DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

DEBORAH SCHEMBRI DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

JONATHAN SPITERI* DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV 

ROBERT SUBAN DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

GODFREY SWAIN DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

Ekonomija

Sport