Friday, May 3, 2024

Il-BOV jniedi pjattaforma diġitali għas-Self fuq id-Djar

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta huwa l-ewwel bank lokali li qed joffri soluzzjoni diġitali lill-klijenti li jkunu qegħdin ifittxu biex japplikaw għal self fuq xiri ta’ propjetà. Filwaqt li l-klijenti għadhom jistgħu japplikaw għal Self tad-Djar billi jżuru waħda mill-Fergħat tal-BOV, il-Bank issa nieda pjattaforma diġitali aċċessibbli permezz tas-sit www.bov.com, li permezz tagħha wieħed jista’ jwettaq applikazzjoni mill-bidu sal-aħħar mill-kumdità tad-dar.

Permezz ta’ din il-pjattaforma, sew dawk li diġà huma klijenti tal-Bank kif ukoll klijenti ġodda, jistgħu itellgħu id-dokumenti kollha meħtieġa online, jikkalkulaw eżatt l-ammont ta’ kemm jistgħu jisselfu, jiksbu stima dak il-ħin stess, u abbażi ta’ kemm jaqilgħu paga u kemm għandhom spejjeż rikurrenti, tinħadem ir-rata tal-imgħax u l-pagament li jrid jitħallas lura.

Barra minn hekk, għall-ewwel darba fis-suq lokali, il-klijenti jistgħu jkunu jafu immedjatament jekk l-applikazzjoni tagħhom biex jisselfu għall-propjetà, ġietx aċċettata jew le mill-Bank. F’każ ta’ bżonn u għal iktar assistenza, il-klijent għandu l-faċilità li jitkellem ma’ rappreżentant tal-Bank b’mod virtwali waqt li jkun qiegħed fil-proċess tal-applikazzjoni, sew bit-telephone jew bl-email.

Il-proċess huwa wieħed simplifikat u jagħti l-faċilità li jinbeda, jitwaqqaf, u jitkompla mill-istess punt fejn ikun tħalla, sew permezz tal-kompjuter, mobile jew saħansitra jekk il-klijent jiddeċiedi li jkomplih billi jżur waħda mill-fergħat. Barra minn hekk, il-klijent għandu l-faċilità li ladarba jissottometti l-applikazzjoni, jkun jista’ jara f’liema stadju waslet.

Is-Sinjura Marisa Said, Kap fit-Taqsima tal-Consumer Finance tal-BOV, esprimiet sodisfazzjon li l-Bank wasal biex jikseb dan it-tragward fl-istrateġija tiegħu għall-qalba diġitali. Hija spjegat kif “dan mhuwiex biss servizz innovattiv għall-Bank, iżda wkoll proċess uniku offrut fis-suq lokali li jista’ jwassal għal rivoluzzjoni ta’ kif isiru l-proċessi fis-settur bankarju, b’mod partikolari fil-qasam tas-self għad-djar”. 

Is-Sinjura Said irringrazzjat lill-impjegati li ħadmu fuqha, għad-dedikazzjoni tagħhom kif ukoll lill-konsulenti u l-ħaddiema tekniċi esterni li bis-saħħa tal-ħidma kollettiva tagħhom, wasslu biex dan il-proġett jiġi implimentat għall-benefiċċju tal-klijenti tal-Bank of Valletta.

Sport