Tuesday, May 27, 2025

IL-BOV SE JOĦROĠ BONDS TA’ €100 MILJUN B’KUPUN TA’ 5%

IT-TIENI SERJE, L-EWWEL PORZJON FIL-PROGRAMM TA' BONDS FIL-MUNITA EWRO GĦAL TERMINU MEDJU MHUX GARANTITI TA’ €250 MILJUN

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta se joħroġ it-tieni serje taħt il-Programm ta’ Bonds fil-munita Ewro għal Terminu Medju Mhux Garantiti ta’ €250 miljun, approvat mill-MFSA f’Ottubru 2024. L-ewwel porzjon tal-Bonds taħt dan il-programm inħareġ f’Novembru 2024. Il-perjodu tal-offerta se jiftaħ fid-9 ta’ Ġunju 2025, u se jagħlaq fis-27 ta’ Ġunju 2025 jew qabel f’każ ta’ sottoskrizzjonijiet żejda. 

It-Tieni Serje tinkludi ħruġ inizjali ta’ €100 miljun, b’għażla ta’ allokazzjoni żejda sa ammont massimu ta’ €50 miljun f’każ li ta’ sottoskrizzjoni żejda. L-istatus tal-Bond huwa Subordinat Mhux Garantit — Tier 2, bi klawżoli ta’ ‘bail-in’ inklużi. Il-Bond se jimmatura f’għaxar snin u jista’ jinfeda fi kwalunkwe data bejn il-ħames anniversarju mid-data tal-ħruġ u d-data tal-maturità. L-imgħax jitħallas kull sena bir-rata ta’ 5%. Il-prezz tal-ħruġ huwa stabbilit b’parità mal-valur.

L-ewwel €100 miljun jinkludu allokazzjoni ta’ 50% tal-ħruġ għas-sottoskrizzjoni mill-azzjonisti, id-detenturi ta’ bonds eżistenti u l-impjegati tal-Grupp BOV (kif definit fit-Termini Finali), filwaqt li 35% huma riżervati għall-investituri professjonali u istituzzjonali, u l-15% li jifdal huma riżervati għall-pubbliku ġenerali. Kwalunkwe porzjon tal-allokazzjonijiet ippjanati individwali li ma jittiħdux se jiġi ttrasferit għal allokazzjoni oħra. Barra minn hekk, fil-każ ta’ sottoskrizzjonijiet żejda — sa massimu ta’ €50 miljun — jiġu allokati skont id-diskrezzjoni tal-Bank. Jekk l-ammont ta’ applikazzjonijiet jaqbeż il-€150 miljun, l-applikazzjonijiet jitnaqqsu skont il-policy ta’ allokazzjoni adottata mill-Bank, soġġett fil-każijiet kollha għal allokazzjoni minima ta’ €10,000 għal kull applikant.

Dr. Gordon Cordina, Chairperson tal-BOV, esprima sodisfazzjon għall-ħruġ tat-Tieni Serje fil-Programm ta’ Bonds fil-munita Ewro għal Terminu Medju Mhux Garantiti ta’ €250 miljun. Huwa qal, “Is-suċċess tal-ewwel porzjon jaċċenna l-fiduċja li l-investituri u l-pubbliku għandhom fil-Bank. Dan il-Bond jappoġġja l-isforzi tagħna biex insaħħu l-bażi kapitali tal-Bank u nżommu karta tal-bilanċ b’saħħitha, filwaqt li nsaħħu l-valur li noffru lill-investituri, lill-azzjonisti leali tagħna u lid-detenturi tal-bonds.”

Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia saħaq, “Dan il-ħruġ tal-Bonds huwa strument importanti fl-istrateġija tagħna biex insaħħu l-bażi kapitali tal-Bank u nappoġġjaw il-pjanijiet ambizzjużi tagħna ta’ tkabbir. Dan jifforma parti mill-inizjattivi mħabbra aktar kmieni din is-sena, bil-għan li jingħata  valur lill-partijiet ikkonċernati kollha. Dawn jinkludu l-ħruġ propost ta’ ishma bonus, kif ukoll inizjattiva ta’ xiri lura ta’ ishma li għadha soġġetta għall-approvazzjoni regolatorja. Dawn l-inizjattivi strateġiċi, flimkien mal-ħruġ ta’ dawn il-Bonds, isaħħu l-pożizzjoni tal-Bank bħala l-Bank tal-Għażla f’Malta u juru d-dedikazzjoni tagħna biex inwasslu valur sostnut lill-investituri, lill-azzjonisti u lill-klijenti tagħna.”

L-applikazzjonijiet huma soġġetti għal ammont minimu ta’ sottoskrizzjoni ta’ €10,000 b’ammonti ta’ €100 minn hemm ’il quddiem. Il-klijenti professjonali u l-investituri istituzzjonali huma soġġetti għal minimu ta’ €100,000. Saret applikazzjoni għall-Bonds biex jiġu elenkati fil-Lista Uffiċjali tal-Borża ta’ Malta. Dawn se jiġu elenkati fil-Borża ta’ Malta fl-14 ta’ Lulju 2025, u n-negozjar jista’ jibda fil-15 ta’ Lulju 2025. Dawn id-dati jistgħu jiġu antiċipati jekk il-Bonds jiġu sottoskritti kollha  qabel.

Il-bond mhuwiex sempliċi, u jista’ jkun diffiċli biex jinftiehem. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fid-dokument dwar il-Prospett Bażi u t-Termini Finali, li se jkun disponibbli biex jitniżżel minn https://www.bov.com/bond-prospectus mit-2 ta’ Ġunju 2025. Kopji stampati tat-Termini Finali se jkunu disponibbli mill-Intermedjarji Finanzjarji Awtorizzati mid-9 ta’ Ġunju 2025. L-applikazzjonijiet għall-Bonds sottomessi minn klijenti ‘retail’ huma soġġetti għal test tal-adegwatezza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport