Tuesday, November 25, 2025

Il-Budget 2026 jinkludi żieda ta’ 21% fuq in-nefqa rikorrenti fuq Għawdex

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru Camilleri tenna fil-Parlament dalgħodu li għal darb’oħra dan il-Gvern ta importanza kbira lil Għawdex. “Illum Għawdex għandu ekonomija b’saħħitha, bl-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, gżira li hi mutur ekonomiku, suċċessi li joħorġu mill-istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi.”

Il-Ministru Camilleri spjega li l-Budget 2026 jinkludi żieda ta’ 21% fuq in-nefqa rikorrenti, minn €77.9 miljun għal €94.5 miljun, u żieda rekord ta’ 81% fuq in-nefqa kapitali, minn €15.2 miljun għal €27.5 miljun. 

“Dan hu rekord assolut ta’ fondi diretti ddedikati għal Għawdex, li jsaħħu l-fiduċja fil-potenzjal tal-gżira u r-rwol tagħha bħala kontributur ewlieni għall-ekonomija nazzjonali. Il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex hi ċara: titjib fl-infrastruttura, investiment fil-konnettività, ħarsien għall-ambjent, edukazzjoni moderna u proġetti ta’ inklużjoni u sports.”

Huwa qal ukoll li l-allokazzjoni għat-toroq arterjali u residenzjali f’Għawdex se tiżdied b’25% għal total ta’ €10 miljun. Dan filwaqt li bħala Ministeru qed ikomplu bil-programm massiċċ ta’ rinovazzjoni u titjib tal-faċilitajiet edukattivi f’Għawdex.

Il-Ministru Camilleri rrefera wkoll għal proġetti diversi li tlestew fosthom il-Padiljun Akwatiku u Sportiv fir-Rabat Għawdex, xogħlijiet fil-korsa taż-żwiemel f’Ta’ Xħajma u proġetti oħra li qed isir ix-xogħol fuqhom. 

Semma li qed jiġi eżegwit pjan biex it-traffiku ma jkollux bżonn jgħaddi miċ-ċentru tar-Rabat imma jgħaddi minn post għal ieħor. Proprju ftit tal-jiem infetħet l-ewwel bypass f’Għawdex bil-għan li taqta’ kompletament it-traffiku minn ġewwa ċ-ċentru tar-Rabat. Huwa tkellem ukoll dwar diversi proġetti ambjentali fosthom dak tal-Victoria Park, intiżi li jżidu l-ispazji miftuħa fil-gżira Għawdxija. 

Dwar ir-riforma fil-liġijiet tal-ippjanar, il-Ministru Camilleri enfasizza li: “fejn jidħol l-Abbozz 144 li jirregola l-appelli, nemmen li qegħdin viċin ħafna li noħolqu bilanċ u riforma li hi tant meħtieġa. Dwar l-Abbozz 143, l-emendi fuq l-Att prinċipali, id-diskussjoni għadha għaddejja. Irċevejna ħafna feedback. Se nibqgħu nikkonsultaw biex nagħmlu dak li hu sewwa u dak li jixraq għal pajjiżna. Nemmen li bi djalogu wkoll se nwasslu għal soluzzjonijiet tanġibbli u li jkunu qed jagħmlu sens.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport