Wednesday, April 24, 2024

Il-budget mhux biss se jindirizza l-isfida tal-lum iżda anki tal-futur – il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-budget li se jitħabbar it-Tnejn li ġej mhux biss se jindirizza l-isfidi tal-mument kawża tal-pandemija, iżda se jkun katalista wkoll għall-futur.

Dr Abela qal dan f’laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Berġa ta’ Kastilja bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni għall-Budget 2021.

Il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza ta’ ekonomija b’saħħitha u qal li din hija kruċjali biex il-gvern ikun jista’ jieħu aktar miżuri biex insaħħu l-qasam tas-saħħa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u l-pensjonanti.

Waqt li saħaq fuq l-importanza li nibqgħu miftuħin għan-negozju b’osservanza sħiħa tar-regolamenti tas-saħħa, tenna l-appell għal infurzar b’saħħtu tal-miżuri kollha li jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa. Qal li ż-żieda fl-infurzar hija meħtieġa u dan jikkumplimenta l-bżonn li nibqgħu miftuħin għax-xogħol.

Dr Abela tenna l-impenn tal-gvern li jibqa’ jaħdem favur governanza tajba u hawn innota dak li rrapporta dwar Malta s-sit awtorevoli Politico, fejn innota b’mod pożittiv ir-riformi importanti li saru minn din l-amministrazzjoni fl-aħħar xhur bl-uniku kritika tkun li r-riformi saru b’ħeffa kbira mill-gvern.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li l-budget għas-sena d-dieħla għandu jifforma l-istrateġija għall-għaxar snin li ġejjin mibnija fuq il-viżjoni li nieda l-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa tal-Kabinett li saret fis-sede tal-Kamra fix-xhur li għaddew.

Huwa ppreżenta wkoll 121 proposta għall-budget biex fost oħrajn jiddirezzjonaw lill-privat biex jagħmel l-investimenti meħtieġa li għandhom iwassluna għall-viżjoni li ħabbar il-gvern f’diversi oqsma.

Intant, f’laqgħa separata mar-rappreżentanti tal-Union Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers, il-Prim Ministru qal li l-Gvern jinsab impenjat biex fil-baġit għas-sena d-dieħla jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Huwa wera l-qbil tiegħu ma’ bosta mill-proposti mressqa mill-UĦM,  fosthom il-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali, u qal li dan jikkonferma kemm il-gvern għandu ruħ soċjali.

Assigura li din hija waħda mill-proposti ewlenin li jixtieq jara li tiġi implimentata għax toħloq sens ta’ ġustizzja bejn il-ħaddiema nfushom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Bugeja tkellem dwar bosta mid-89 proposta li l-union ressqet għall-budget u li jkopru 21 tema.

Fost oħrajn saħaq dwar il-ħtieġa li ssir analiżi tas-setturi ekonomiċi tul il-pandemija, issir ġlieda kontra l-prekarjat u jsir titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u inċentivi għal sistemi ta’ trasport biex inaqqsu t-tniġġis fit-toroq.5 Attachments

Sport