Friday, December 27, 2024

“Il-Caravaggio speċjali wisq… inżommu għalija”

- l-artist Pawlu Galea

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Issibu msemmi ma’ l-aqwa pitturi dinjin. Kontroversjali għall-aħħar. F’pajjiżna magħruf sew. Tista’ tgħid li kif issemmi l-isem li bih hu magħruf ‘Caravaggio’, kulħadd se jgħidlek min hu jew għalinqas x’kien jagħmel. Pajjiżna għandu x-xorti li dan l-artist ħadem hawn u għandna wieħed mill-aqwa xogħlijiet tiegħu, il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann. Minkejja dan, wieħed ma jistax ma jikkummentax li llum dan l-artist jista’ jkun ferm u ferm aktar apprezzat f’pajjiżna b’mod partikolari fost il-popolazzjoni inġenerali. Apprezzat mhux biss għall-pitturi li ħallielna imma għal dak li għamlu wieħed mill-aqwa artisti ta’ kull żmien. L-istil tiegħu. Caravaggio kien il-ġenju li vvinta stil ta’ pittura u hu għalhekk li hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa pitturi ta’ kull żmien. Il-pitturi tiegħu, li litteralment taħsibhom parti minn drama, kienet teknika ġdida li marret lil hinn mill-mod kif kienu jsiru l-pitturi reliġjużi. Dan flimkien mal-użu tad-dawl u d-dellijiet, bl-istil magħruf bħala l-Chiaro Scuro.

Minn żmien għal żmien tara li t-teknika tal-Caravaggio, jew id-drammatiċità li kien joħloq fil-pitturi, tarahom ifeġġu llum ukoll għal skopijiet totalment differenti. Dan imma jurik kif minkejja li għaddew xejn inqas minn 400 sena minn mindu kien jgħix, il-pitturi tiegħu għadhom jagħmlu impatt.

Każ simili seħħ proprju ftit snin ilu, metą f’Via dei Lucchesi f’Ruma mill-lejl għan-nhar tfaċċat opra tal-arti moderna. Kif tara dak impinġi mal-ewwel daqqa t’għajn wieħed jaħsibha riproduzzjoni tal-pittura famuża ta’ Caravaggio msejjħa ‘The Card Players’. Imma jekk tħares mill-viċin, tintebaħ li l-artist pinga wiċċ it-tliet politikanti Taljani li kienu qed jiddominaw ix-xena politika – Berlusconi, Salvini u Di Maio. Huma, bħall-pittura oriġinali ta’ Caravaggio, qegħdin jilagħbu logħba karti, simbolika tas-sitwazzjoni preżenti fl-Italja fejn tidħol il-politika. Ix-xena tirrappreżenta ingann – b’anzjan ‘innoċenti’ li qed jilgħab logħba karti mal-avversarju tiegħu fejn b’komplott ma’ avversarju ieħor, jilgħab logħba politika.

U meta țara hekk ma tistax ma tirriflettix fuq kemm il-poplu Malti hu konxju tal-kobor tax-xogħlijiet ta’ dan l-artist. Kif tista’ tkun konxju ta’ opra ta’ arti, jekk qatt ma tkun rajt. Qegħdin ngħidu dan għax ngħiduha kif inhi, ħafna Malti qatt ma rifsu lejn iż-żoni fejn huma esebiti il-pitturi ta’ Caravaggio f’pajjiżna. Mil-lat akkademiku u fejn jidħlu l-istudjużi, f’pajjiżna għandna akkademiċi li b’mod kontinwi jirriċerkaw u hemm apprezzament sħiħ lejn dan l-artist. Jittellgħu attivitajiet li jagħtu informazzjoni u jwasslu b’mod diversi l-istorja ta’ dan l-artist. Minkejja dan, fejn jirrigwarda l-pubbliku inġenerali u l-apprezzament għal Caravaggio, jonqos ħafna xi jsir.

Dan kien il-ħsieb li beda jberrren f’moħħi waqt wirja ta’ pittura imtella’ mill-artist Rabti, Pawlu Galea, fil-Mużew Wignacourt bħala parti mill-Festival Agape. Dan il-ħsieb ġie għad-dehra ta’ pittura li fiha jidher Michelangelo Buonarroti, Michelangelo Merisi – il-Caravaggio u l-artist Pawlu Galea iżomm karta b’disinn f’idejh. Fil-pittura jidhru ħames kotba. Wieħed miftuħ. Ktieb ieħor intitolat “Caravaggio’. Ktieb ieħor jismu ‘Michelangelo’. Ktieb bl-isem “Mattia Preti” u ktieb ieħor bl-isem ‘Great Masters’. Ħdejhom tlett vażetti taż-żebgħa bil-kuluri prijmarji. U ħdejhom vażett b’għadd ta’ pnieżel. Il-pittura għandha t-tema “Nitgħallmu mill-Imgħallmin”.

Namra għal Caravaggio

Fil-wirja tara stili differenti ta’ pitturi u temi varji. Kull min jaf lil Pawlu jaf bin-namra li għandu għall-Caravaggio. Namra li wasslet biex Pawlu irriproduċa għadd ta’ pitturi ta’ Caravaggio. Fil-wirja dawn kienu neqsin. U għal dan hemm raġuni.

Raġuni, li turi kemm Pawlu iqis bħala speċjali ix-xogħlijiet tal-Caravaggio. Tant iqishom bħala speċjali li jżommhom għalih biss u lanqas jaċċetta li jagħmel riproduzzjonijiet għal ħaddieħor.

Pawlu jiddikjara bla tlaqlieq li “l-Caravaggio kien ġenju li ħoloq stil ta’ pittura -il-Chiaro scuro. Il-pittura tiegħu qisek qed tara xi ħaġa issir dak il-ħin. Il-pittura qisha drama. Kont għadni tifel inmur il-Liceo u niftakarni inpinġi fil-bitħa tad-dar il-Konverżjoni ta’ San Pawl. Jien pinġejt 12 il-riproduzzjoni ta’ Caravaggio. Il-kwadri l-kbar kollha daqs l-oriġinal. Jien nemmen li jew bħalu eżatt inkella ma tiġix kopja. Qatt ma aċċettajt li nagħmel kwadru ta’ Caravaggio ikkummissjonat lil xi ħadd. Il-Caravaggio nagħmilhom għalija biss għax għalija dawn huma xi ħaġa speċjali.”

Jitkellem dwar kif bdiet din in-namra. Jgħid li “fl-1984, kienet ħarġet l-aħbar li nsteraq il-Caravaggio. Tant kien iddispjacini li għidt irrid nagħmel wieħed għalija.

Mort fis-souvenir shop tal-KonKatidral ta’ San Ġwann. Kull ma kien hemm kien hemm biss karolina u kont xtrajt pakket slides. Meta mort id-dar stirajt it-tilar u ipproġettajt is-slide għal fuqu. Il-proporzjon kien se jiġi perfett. Dak iż-żmien San Ġilormu kien għadu mhux restawrat u ċerti daqqiet ma stajtx narahom għax dawn ħarġu wara metą kien restawrat.” Minn dakinhar baqa’ jżid pittura wara oħra, biex illum għandu kollezzjoni ta’ 12-il-pittura riproduzzjonijiet tal-Caravaggio. Huma xogħlijiet b’interpretazzjoni kontemporanja u fidili għal kollox lejn l-oriġinal.

Wirja fejn jispikka l-pajsaġġ Malti

Fix-xogħlijiet ta’ Pawlu jispikka l-pajsaġġ Malti. Ma jonqosx li din it-tema toħroġ b’mod ċar ħafna fil-wirja li Pawlu tella’ fil-Mużew Wignacourt. Naraw il-kosta Maltija bi kwadru li turi xena mill-bajja tal-Ġnejna b’dawk il-garaxxijiet fuq in-naħa tax-xellug. Pittura oħra turi l-knisja magħrufa bħala l-Madonna ta’ Itria, f’Binġemma. Ambjent rurali fejn ma joqosx li naraw ir-raħħal bil-mogħoż u b’kelb tal-fenek miegħu.

Il-festa Maltija hi marbuta direttament mal-kultura Maltija u din ukolle issib ruħha fil-wirja b’pittura li turi pavaljun, waqt marċ ta’ flgħodu bil-bżieżaq bojod u ħomor u l-knisja fl-isfond.

Ma jonqosx il-pajsaġġ Rabti fil-pittura ta’ Pawlu, fejn tispikka l-pittura li tidher l-arkata li tagħti għaż-żuntier tal-Bażilika ta’ San Pawl bil-kampar fl-isfond. Il-Knisja ta’ San Katald, li llum saret attrazzjoni turistika, ukoll sabat ruħha fil-wirja bi kwadru mill-isbaħ. Ma’ dan hemm ukoll ritratt tal-marċ ta’ filgħodu fil-festa titulari ta’ San Pawl ir-Rabat, meta l-istess marċ f’dik magħrufa bħala ‘Strada Reali’. Ma jonqsux xeni u pajsaġġi mill-kampanja Maltija, u inżul ix-xemx.

Il-pittura ta’ San Pawl

Tolqot l-għajn pittura ta’ San Pawl bix-xabla u l-ktieb f’idejh. Pittura pjuttost movimentata u li kif tidħol fil-wirja tolqtok mill-ewwel. Xogħol mill-isbaħ, li hu riproduzzjoni tal-pittura ta’ Pompeo Botoni, “San Paolo”.

Bin is-sengħa…

Jekk tistaqsi lil Pawlu dwar kif bidet il-karriera artistika tiegħu, fejn hu kien anke jgħallem l-art, malajr tinduna li sa minn mindu kien żgħir kellu lejn min iħares biex jaqbad din it-triq.
Kif jgħid il-Maltin “Bin is-sengħa għandu nofsha”. Pawlu mill-ewwel jgħidlek li nannuh, Pawlu Galea kien dekoratur u għandu ħafna xogħol ma’ Malta kollh f’għadd ta’ knejjes.

“Trabbejt f’ambjet artistiku”, jgħidilna Pawlu u li għalhekk ma setax jonqos li hu jkompli f’dik it-triq.

Iben ġenerazzjoni ta’ artisti: żijuh Giuseppe Galea (1911-1993) ħadem mill-qrib mal-iskultur Antonio Sciortino. L-artist Pawlu Galea nnifsu ħadem mill-qrib ma’ Esprit Barthet, Ġorg Borg u Harry Alden fost l-oħrajn. Fix-xogħlijiet artistiċi tiegħu hu juża medji differenti fosthom iż-żejt, acrylics u watercolours. Pitter l-astratt, still life, ipproduċa numru ta’ arloġġi ta’ Malta, pitter ikoni u rriproduċa pitturi tal-aqwa maestri tal-Barokk.

Il-pittura riflessa fl-identità nazzjonali

Ma nistgħux nitkellmu fuq il-pittura jew wirjiet artistiċi u ma nitkellmux fuq l-identità nazzjonali. Matul iż-żmien, pittur wara ieħor, min b’mod u min b’ieħor, ħallewna wirt artistiku li llum hu r-rifless ta’ l-identità Nisranija ta’ Ġensna.
Min jaf kemm inmorru fi knejjes u nħarsu lejn il-pitturi fuq l-altari u fis-soqfa. Min jaf kemm rajna wirjiet imma kemm qatt tajna każ eżattament kif il-pittura hi parti mill-identità ta’ pajjiżna. Żviluppat matul iż-żminijiet, kif mistenni kelli influwenzi minn artisti kbar barranin, imma imbagħad żviluppat ukoll u għamilna ġens b’kultura tal-punent.

Fil-bidu, bi knejjes imħaffrin il-blat, l-arti tal-pittura kibret bil-mod il-mod u dan sar anke minħabba l-wasliet ta’ pitturi mill-Ewropa, li minn żmien għal żmien kienu jiġu f’pajjiżna. Fost l-aktar pitturi antiki li għandna hemm il-Madonna fis-santwarju tal-Mellieħa bi stil Biżantesk Sqalli u pittura li kien hemm fi kripta fl-Abbatija tad-Dejr fir-Rabat.

Pittura, l-aktar importanti ta’ qabel ġew il-Kavallieri f’pajjiżna hi bla dubju ta’ xejn il-polittiku ta’ San Pawl.

Kien hemm qabża kbira ‘lquddiem wara l-Assedju l-Kbir metą pitturi ta’ fama bdew jiġu ospitati f’Malta mill-Kavallieri. Fost dawn kien hemm Matteo Perez d’Aleccio, Filippo Paladini, l-Caravaggio u Mattia Preti. Dawn kienu artisti li bix-xogħlijiet tagħhom għenu biex żammew lil Malta magħquda mal-kultura tal-Ewropa Kattolika. Dawn bdew ikunu ta’ ispirazzjoni għal pitturi Maltin, li bdew joħorġu bil-mod il-mod mill-inkubu li kienu fih u anke bdew jiffirmaw ix-xogħlijiet. Dan ħa spinta fi żmien Mattia Preti.

Kien imbagħad fis-seklu dsatax li tista’ tgħid għall-ewwel darba ix-xena Maltija kienet iddominata minn artisti Maltin u mhux barranin.

Ekonomija

Sport