Friday, May 17, 2024

LifeCycle (Malta) Foundation tiġbor €154,645 fl-2023

Aqra wkoll

LifeCycle (Malta) Foundation iċċelebrat tragward importanti hekk kif ħabbret li nġabret is-somma ta’ €154,645 permezz tal-inizjattivi tagħha ta’ ġbir ta’ fondi fl-2023.

Dan tħabbar mill-Fundatur u Chairman tal-LifeCycle (Malta) Foundation Alan Curry f’avveniment li għalih attendew il-parteċipanti tal-LifeCycle Challenge u LifeWalk 2023 u tal-edizzjonijiet preċedenti, voluntiera, sponsors, pazjenti morda bil-kliewi u nies li taw donazzjoni tal-organi.

Huma nġabru għal din il-lejla speċjali fi spirtu ta’ sodisfazzjon, gratitudni u ottimiżmu – spirtu li jsaħħaħ l-impenn tagħhom għall-missjoni li jiġu megħjuna pazjenti b’mard tal-kliewi, titqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi u tappoġġja r-riċerka medika f’dan il-qasam.

Nhar il-Ġimgħa, saret ukoll preżentazzjoni ta’ ċertifikati u unuri, li fiha ġie rikonoxxut u onorat il-kontribut tal-parteċipanti tal-LifeCycle Challenge 2023. Iċ-ċiklisti kollha u l-membri tat-tim ta’ back-up li ħadu sehem fl-isfida tal-LifeCycle ta’ għaxart ijiem mit-Tajlandja sal-Malasja ngħataw rigal żgħir ta’ tifkira.

Francesca Garbe rċeviet il-Jack Bowen Award ta’ din is-sena, li jingħata liċ-ċiklist li jħaddan b’mod speċjali l-ispirtu tal-isfida kif ukoll li juri spirtu ta’ tim u prestazzjoni eċċezzjonali.

F’kumment dwar l-avveniment, Alan Curry qal: “Dan huwa mument fejn nieqfu biex nirriflettu fuq il-kisba taċ-ċiklisti tagħna, li jagħżlu li jittestjaw il-ħila sportiva u r-reżiljenza tagħhom f’isem il-filantropija. Hija wkoll opportunità biex nirriflettu dwar kemm il-LifeCycle (Malta) Foundation imxiet il-quddiem sa mill-bidu tagħha u biex nagħrfu l-impatt tanġibbli li nistgħu nagħmlu fuq il-ħajja tal-pazjenti tal-kliewi permezz tal-isforzi tagħna. Sadanittant, hekk kif nieqfu għal waqfa qasira bejn sfida u oħra, il-pazjenti tal-kliewi jkomplu bil-ġlieda tagħhom ta’ kuljum.”

Il-LifeCycle Challenge 2023 kien sponsorjat mill-isponsor prinċipali Nescafé flimkien ma’ sponsors oħra fosthom Smart Technologies Ltd, Technoline Ltd, Farsons Foundation, Laferla Insurance, JPA, The Web Ally, McDonald’s, Borg Cardona & Co Ltd u Salini Resort.

Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 9932 9101, permezz tal-link tal-PayPal: https://buff.ly/35g17CC jew permezz ta’ SMS: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65; jew telefonata fuq in-numru 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ trasferiment bankarju – Swift code VALLMTMT, IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, bl-isem tal-bank Bank of Valletta, u n-numru tal-kont 14814521017.
Il-LifeCycle (Malta) Foundation hija rreġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji – VO/0529 Għal aktar informazzjjoni żur https://lifecyclefoundation.com jew https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge

Sport