Sunday, December 22, 2024

Il-clubs il-kbar b’reazzjoni għas-Super League Ewropew

Aqra wkoll

Wara l-aħbar li l-Qorti Suprema Ewropea ddeċidiet li l-projbizzjoni tal-clubs milli jingħaqdu ma’ kampjonat separat, jiġifieri mas-Super League Ewropew, kien illegali, fissret li l-organizzazzjoni tiegħu għadha ħajja.

Peró, din qajmet reazzjoni kbira mill-partitarji u l-clubs hekk kif A22 Sports Management, il-kumpanija wara dan is-Super League Ewropew ġdid, żvelat il-proposta ta’ format ġdid ambizzjuż tagħhom. 

Kien hemm reazzjoni qawwija mill-clubs fejn iddistanzjaw lilhom infushom minn dan il-proġett. 

Manchester United kienu wieħed mill-ewwel clubs li aġixxew wara li ħarġet l-aħbar fejn qalu. “Il-pożizzjoni tagħna ma nbidlitx. Aħna nibqgħu impenjati bis-sħiħ għall- parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA.”

Tmien clubs oħra m’aċċettawx li jieħdu sehem fil-proġett, inklużi l-clubs tal-Ligue 1 Paris Saint-Germain u AS Monaco, u t-trio ta’ La Liga, Sevilla, Valencia u Atletico Madrid.

Dawn li ġejjin ħarġu wkoll stqarrija li tikkonferma d-deċiżjoni tagħhom.

Atletico Madrid: “Il-familja tal-football Ewropew ma tridx is-Super League Ewropew. Il-Ġermanja, Franza, l-Ingilterra, l-Italja, Spanja (ħlief għal Real Madrid u Barcelona), ma jridux is-Super League.

“Aħna favur li nipproteġu l-familja tal-football Ewropew, nissalvagwardjaw il-kampjonati domestiċi, u niżguraw li l-kwalifiki għall-kompetizzjonijiet Ewropej jinkisbu permezz ta’ prestazzjoni fil-ground kull staġun.”

Bayern Munich qalu: “Huwa ċar ħafna: il-bieb għas-Super League f’Bayern jibqa’ magħluq. Kompetizzjoni bħal din tkun tirrappreżenta attakk fuq l-importanza tal-kampjonati domestiċi u l-istatura tal-football Ewropew.”

Paris Saint-Germain: “Paris Saint-Germain jirrifjuta totalment kull pjan għal dak li jissejjaħ Super League, li kien il-każ mill-ewwel jum u dejjem jibqa’ l-każ.

“Bħala istituzzjoni Ewropea, PSG jappoġġjaw il-prinċipji tal-mudell sportiv Ewropew, il-valuri tal-kompetizzjoni miftuħa u l-inklużjoni, u jaħdem mal-partijiet interessati rikonoxxuti kollha fil-football Ewropew – fuq kollox mal-partitarji u l-players, li huma fil-qalba tal-football Ewropew.”

Monaco: “AS Monaco jixtiequ jesprimu l-impenn sħiħ tagħhom lejn il-prinċipju tal-mertu sportiv li jirregola l-kompetizzjonijiet tal-UEFA u l-kampjonat Franċiż.

“Se nkomplu naħdmu mal-clubs ta’ Ligue 1 u ma’ clubs oħra permezz tal-ECA, sabiex nipparteċipaw progressivament u kollettivament fl-iżvilupp tal-football.”

Roma: “Il-club bl-ebda mod ma japprova xi proġett hekk imsejjaħ Super League li jippreżenta attakk inaċċettabbli fuq l-importanza tal-kampjonati nazzjonali u l-pedamenti tal-football Ewropew.

“Nemmnu li l-benessri futur tal-football Ewropew jista’ jiġi żgurat biss permezz ta’ clubs li jaħdmu flimkien permezz tal-ECA fi sħubija u kollaborazzjoni b’saħħitha mal-UEFA u l-FIFA.”

Manchester City: “Il-pożizzjoni tagħna fis-Super League Ewropew tibqa’ l-istess. M’hemmx għalfejn  tinħareġ stqarrija għax se nibqgħu nżommu mad-deċiżjoni tal-irtirar li ħadna fl-2021.”

Madankollu, A22 Sports Management, jiddikjara li huwa “impenjat” li jsib soluzzjonijiet għall-aktar kwistjonijiet urġenti li qed jiffaċċja l-football illum.

Huma jemmnu li hemm bżonn ta’ titjib biex il-football tal-ogħla livell ikun aktar aċċessibbli għall-partitarji kollha, u jridu jindirizzaw l-instabbiltà finanzjarja fil-livell tal-club u jżidu l-investiment fil-logħba tan-nisa, kif ukoll itejbu l-kompetittività tal-kampjonati domestiċi.

Ekonomija

Sport