Monday, May 13, 2024

NIĊĊELEBRAW L-IMĦABBA VERA B’RESPONSABBILTÀ

Aqra wkoll

Li mmorru nieħdu xi ħaġa tal-ikel. Li mmorru nieħdu drink mal-ħbieb. Li mmorru niltaqgħu u ninġabru mal-familja fil-Milied jew fl-Ewwel tas-Sena. Li mmorru xi safra biex nistrieħu. Li nixtru r-rigali lil xulxin. Dawn u min jaf kemm iktar attivitajiet f’dawn iż-żminijiet ta’ festi huma kumditajiet li mhux biss f’pajjiżna hawn min mhuwiex fi stat li jesperjenza, iżda saħansitra jikkuntrastaw bħall-abjad u l-iswed meta niftakru li lil hinn minn xtutna hemm pajjiżi li fihom qed jintilfu l-ħajjiet fi ġlieda li nemmnu li ma jista’ qatt ikollha rebbieħ.

Nemmnu li b’dak li rnexxielu jikseb pajjiżna fl-aħħar snin u t-tkabbir ekonomiku tiegħu, b’idu fuq sidru l-poplu għandu jirrikonoxxi li fortunatament il-maġġoranza tal-familji f’pajjiżna jistgħu jgawdu fuq livelli differenti ta’ kuntentizza dawn iż-żminijiet ta’ festi. Minkejja dan kollu, il-gvern stess huwa konxju li għad fadal ħafna xi jsir biex kemm jista’ jkun ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.

Nemmnu li llum mhuwiex il-mument opportun biex nelenkaw il-miżuri, iżda dan il-ġurnal ta’ kuljum jagħmel dan u jispjega kif minn żmien għal żmien, għal dawn l-aħħar snin, il-gvern ippreżenta miżuri li jgħinu biex kemm jista’ jkun kull familja jibqagħlha aktar flus fil-but biex tkun tista’ tgħix ħajja ta’ kwalità.
Ftit sigħat biss ‘il bogħod mill-Milied, nemmnu però li l-imħabba għandha tkun l-ikbar u l-aqwa rigal li nistgħu noffru lil xulxin u lil għajrna. Ma jiswa’ xejn li f’dawn iż-żminijiet naraw ritratti ta’ persuni li jitgħannqu, anke f’isem partiti politiċi u rappreżentanti ta’ entitajiet li l-attitudni tagħhom tinbidel ladarba t-tokki tal-arloġġ jindikaw il-bidu ta’ sena ġdida, li suppost tawgura prosperità.

Fuq kollox nemmnu bis-sħiħ fid-diskors tal-President tar-Repubblika li fl-aħħar awgurju tiegħu fil-kariga appella kontra l-piki bejn il-partiti politiċi l-kbar u l-bżonn li s-sentiment ta’ dawn iż-żminijiet jiġi mħaddan matul is-sena kollha biex id-djalogu jkun motivat mill-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Huwa żmien ta’ divertiment ukoll. Infakkru però li l-lussu li persuna tkun abbli li tattendi għal ċertu attivitajiet jitlob minnha responsabbiltà biex tħares kemm il-ħajja tagħha u kif ukoll tal-oħrajn. Persuna għandha tkun kapaċi tikkontrolla meta tikkonsma l-alkoħol u jekk kemm-il darba dan ikun il-każ, dak li jkun għandu jipprevjeni billi fost l-oħrajn jivjaġġa ma’ persuni oħra li ma jikkunsmawx alkoħol jew jagħmel użu mid-diversi servizzi ta’ trasport alternattiv li llum għamel qabża fil-kwalità u kif ukoll fl-effiċjenza.

Qalb dan kollu filwaqt li nirrikonoxxu l-kunċett varat mill-għaqda volontarja Visual Non-Visual u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex ħaddiema fil-qasam tal-ospitalità jitħarrġu biex persuni vulnerabbli bħalma huma dawk neqsin mid-dawl, ikunu jistgħu jattendu dawk l-attivitajiet b’dinjità li tixirqilhom. Rigal b’Imħabba hija biss inizjattiva waħda minn ħafna oħrajn li l-poplu dejjem kien minn ta’ quddiem biex b’ġenerożità u b’sens ta’ solidarjeta jkun jista’ jtejjeb il-ħajja ta’ dawk l-aktar batuti. Nittamaw li s-sentiment ta’ mħabba jirrenja anke wara li jiżżarma t-tiżjin u x-xinxilli.

Sport