Sunday, May 5, 2024

Ġest biex l-għomja jgawdu aktar il-ħajja barra minn djarom

Visual Non-Visual tippreżenta l-unur ta’ livell tal-‘Meet and Greet’

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Inħossni verament emozzjonata u kuntenta. Għalija dan l-unur ifisser kisba personali fuq livell personali bħala persuna nieqsa mid-dawl imma aktar importanti bħala Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Visual Non-Visual Network”. Qalet dan Maria Elich waqt li l-Ħamis filgħaxija ġie preżentat l-unur ta’ livell għoli tal-‘Meet and Greet’ lil kumpanija Bolt u lil-lukanda Preluna għall-impenn tagħhom hekk kif ġie varat għall-ewwel darba dan il-kunċett f’pajjiżna biex turisti lokali kif ukoll dawk ġejjin minn barra li huma neqsin mid-dawl jaraw f’Malta u f’Għawdex destinazzjoni ideali.

Fid-diskors introduttorju tiegħu l-fundatur tal-għaqda mhux governattiva Noel Farrugia esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dak li bl-għajnuna ta’ dawk involuti nkiseb iżda qal li ċertament qatt ma jista’ jieqaf jaħdem biex jara l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn in-nies tibqa’ titjieb biex ikunu verament jistgħu jgħixu ħajja dinjituża.

Huwa qal li sfortunatament fuq livell nazzjonali dawn il-persuni jkollhom jgħaddu minn burokraziji tedjanti li persuna li għandha l-abbiltà li tara, ma tasalx tifhem kemm hi ta’ sfida għal persuna nieqsa mid-dawl. Spjega li bħala għaqda ħadmu fuq cards personalizzati fejn persuna għamja jkollha isimha miktub bil-Braille, b’tali mod li persuni li joffru servizzi essenzjali jifhmu kemm hi differenti l-ħajja ta’ kuljum lil hinn mid-dawl.

Spjega li dan l-unur huwa biss il-bidu ta’ xi ħaġa li jeħtieġ tinfirex fuq livell nazzjonali fejn aktar persuni jeħtieġ li jsegwu l-inizjattiva ta’ Preluna Hotel u Bolt li għażlu li jħarrġu lin-nies tagħhom kif iservu bl-aktar mod dinjituż persuna nieqsa mid-dawl.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal Maria Elich qalet li minn sempliċiment attività bħalma kienet dik tal-għoti ta’ dan l-unur ta’ livell, kull min hu xxurtjat li jista’ jara seta’ jifhem kif b’ġesti sempliċi ħafna ħaddiema f’lukanda jistgħu jgħinu nies bħala “jwarrbu” d-diżabbiltà tagħhom.

Hija qalet li biżżejjed persuna jħares lejn il-waiter li meta jiġi biex iservi l-ikel ikun preparat biex jgħidlek x’qiegħed iservi u jkun lest li anke jgħinek tieħu l-ikel mit-tray jekk kemm il-darba tapprova li tixtieq tieħu. Spjegat li mingħajr dawn l-affarijiet hi u sħabha ma setgħux jikkunsidraw li jmorru weekend break imma bl-għajnuna ta’ dawn in-nies imħarrġa huma jistgħu mhux biss jagħmlu dan imma anke jgawdu l-lukanda lil hinn mill-kamra billi fost affarijiet oħra jżur l-gym jew il-pool.

Fejn jidħlu Bolt hija qalet li tiddependi ħafna fuq is-servizzi tagħhom u li xufier sempliċiment minn jheddu jsemmilha postijiet minn fejn ikunu għaddejjin, għaliha u nies neqsin mid-dawl tgħin mhux biss biex jillokalizzaw fejn ikunu jinsabu, iżda anke f’sens ta’ ħin kemm ikun baqagħlu l-vjaġġ biex jaslu fid-destinazzjoni meħtieġa.

Il-Manager tal-lukanda s-Sur Karl Azzopardi qal li aħna lkoll umani u hemm bżonn li nifhmu li d-dgħufija ta’ persuna hija sfida li teħtieġ sforz kollettiv ta’ komunità li tkun kapaċi l-ewwel u qabel kollox tagħraf il-bżonn li tgħin, u taġixxi biex inkunu nistgħu ngħixu ħajja tajba flimkien.

Is-Sur Karl Laspina f’isem Bolt qal li l-kumpanija kburija ħafna bil-ħaddiema tagħha u dak kollu li nkiseb din is-sena, iżda qegħdin iħarsu ’l quddiem għal dak li jista’ jinkiseb fis-sena li ġejja.

Fid-diskors tal-għeluq tiegħu, Farrugia rringrazzja wkoll lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li kienu parti essenzjali ħafna minn din l-inizjattiva.

Sport