Thursday, April 25, 2024

Il-coach Fatih Terim iħalli lil Galatasaray għar-raba’ darba

Aqra wkoll

Galatasaray infirdu minn mal-coach veteran, Fatih Terim, nhar it-Tnejn, qal il-club ta’ Istanbul, u temm ir-raba’ sessjoni tiegħu maċ- champions 22 darba tat-Turkija fost staġun diżappuntanti.

Galatasaray jinsabu fit-12-il post fl-ogħla livell tas-Super Lig Tork wara li s-Sibt sofrew is-seba’ telfa tal-istaġun, u tilfu 1-0 f’darhom kontra Giresunspor. Huma rebħu waħda biss mill-aħħar ħames logħbiet tagħhom.

Terim, 68 sena, kien ġie ngaġġat fl-2017 wara li ħalla l-impjieg tiegħu bħala coach nazzjonali tat- Turkija wara ġlieda pubblika. Huwa kien fit-tmun tat-team tliet darbiet.

Iċ-chairman ta’ Galatasaray, Burak Elmas, irringrazzja lil Terim għall-ħidma tiegħu fil-club u qal li fil-futur se jkomplu jfittxu l-ideat u l-gwida tiegħu.

“Kif miftiehem flimkien mal-għażiż coach tagħna, Fatih Terim, mil-lum mhux se jibqa’ jkompli bil-kariga ta’ coach ewlieni li jokkupa bħalissa,” qal Elmas fi stqarrija.

Terim, li kien ukoll coach ta’ Fiorentina u Milan, qabel kien fit-tmexxija ta’ Galatasaray bejn l-1996-2000, l-2002-2004 u l-2011-2013. Fit-tieni perjodu tiegħu mat-Turkija, wassalhom għas- semi-finali tal-Euro 2008.

Galatasaray rebħu t-Tazza UEFA ma’ Terim fl-2000.

Il-club, l-aktar imżejjen mit- “Tlieta l-Kbar” tat-Turkija, kien runner-up fis-Super Lig fl-istaġun li għadda, meta ġie megħlub mir-rivali Besiktas bid-differenza tal-goals.

Wara 20 partita, Trabzonspor jinsabu fil-quċċata tas-Super Lig b’49 punt, 10 punti aktar minn Konyaspor li jinsabu fit-tieni post. Basaksehir, iċ-champions tal-2019-20, isegwu fit-tielet post u Fenerbahce – it-tielet club kbir f’Istanbul u rivali otili ta’ Galatasaray – qed jokkupaw ir-raba’ post.

Sport