Il-coach tal-Arġentina, Lionel Scaloni, ġedded il-kuntratt tiegħu sal-2026.
Scaloni, ta’ 44 sena, mexxa lil pajjiżu għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja, li ntlagħbet f’Novembru li għadda fil-Qatar, meta għelbu lil Franza 4-2 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 3-3 f’partita drammatika.
Huwa kien inħatar f’din il-kariga mill-FA Arġentina fl-2018 fejn irreċiproka din il-fiduċja bir-rebħ tal-Copa America fl-2021.
Il-ftehim il-ġdid ta’ Scaloni huwa estiż sat-Tazza tad-Dinja 2026, li l-fażi finali se tintlagħab fl-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada.
Barra minn hekk, nhar it-Tnejn li għadda huwa rebaħ l-unur tal-Coach tas-Sena f’serata tal-Best FIFA Awards li saret f’Pariġi (ara paġna 18).
Fi stqarrija qasira, l-FA Arġentina qalet: “Il-president tal-Assoċjazzjoni, Claudio Tapia u Lionel Scaloni, iltaqgħu biex jagħlqu l-estensjoni tal-kuntratt biex imexxi lit-team sat-Tazza tad-Dinja 2026.”