Saturday, May 18, 2024

Il-coach ta’ Salernitana jerġa’ jingħata l-kariga jumejn wara li tkeċċa

Aqra wkoll

Davide Nicola reġa’ nħatar coach ta’ Salernitana jumejn biss wara li tkeċċa.

Nicola ta’ 49 sena tkeċċa nhar it-Tnejn wara t-telfa ta’ 8-2 kontra Atalanta.

Iżda l-president tal-club, Danilo Iervolino, qal li biddel fehmtu wara laqgħa ma’ Nicola li fiha qal “elf kelma pożittiva”.

“Int tirrealizza biss kemm tħobb lil xi ħadd meta jitlaq,” qal Iervolino.

“Kien l-uniku mod kif stajna naqsmu l-ideat tagħna. Għalhekk għall-ġid tal-club, tal-players u ta’ kulħadd, tajjeb li l-coach ikollu ċans ieħor, bil-wegħda li t-team qatt ma jerġa’ jsofri telfa daqshekk umiljanti.”

Nicola, li nħatar għall-ewwel darba fi Frar tas-sena l-oħra, irringrazzja lil Iervolino u lid-direttur sportiv, Morgan De Sanctis, talli tawh it-tieni ċans.

“Dan ifisser li l-club huwa mibni fuq  il-passjoni u l-imħabba u nixtieq nirreċiproka l-fiduċja  bl-imħabba kollha tiegħi,” qal.

“Għandna ġimgħat ta’ xogħol iebes quddiemna biex nilħqu l-miri tagħna,” temm jgħid Nicola.

Salernitana jinsabu fis-16-il post fis-Serie A wara 18-il partita.

Sport