Saturday, May 4, 2024

Il-Covid-19 jerfa’ rasu fir-Renju Unit… varjant ġdid – Delta Plus jidher li jinfirex aktar malajr

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tlett xhur biss wara li fir-Renju Unit kienet iċċelebrata dik li tqieset bħala “Jum ta’ Ħelsien’ u li fiha tneħħew il-parti l-kbira tar-restrizzjonijiet kontra l-Covid-19, issa qed jerġgħu jesperjenzaw żieda qawwija fil-każi. Ma’ dawn hemm ukoll il-varjant il-ġdid Delta Plus li minn studji li ħarġu jidher li jinfirex aktar malajr.

F’nofs Lulju li għadda il-każi ġodda ta’ Covid-19 fir-Renju Unit kienu baxxi l-istess kif kienu l-ammont ta’ persuni fl-isptar u li kienu qed jitilfu ħajjithom. 

Biss fl-aħħar sigħat, is-sitwazzjoni fir-Renju Unit marret għall-agħar u dan hekk kif proprju nhar il-Ħamis ġew reġistrati xejn inqas minn 50,000 infezzjoni. Dan kien l-ogħla ammont sa minn Lulju li għadda. L-ammont reġistrrat hu  ħafna għolla minn dak reġistrat f’pajjiżi oħra Ewropew. L-imwiet fl-aħħar sigħat żdiedu sew ukoll fejn nhar it-Tlieta mietu 223 persuna bil-Covid-19, li hu l-ogħla ammont sa minn Marzu li għadda. 

Jitkellem dwar is-sitwazzjoni l-Uffiċċju tal-Istatistika fir-Renju Unit, fejn dan indika li wieħed minn kull 55 persuna fir-Renju Unit hu infettat bil-Covid-19 u lli dan ifisser li f’ġimgħa biss xejn inqas minn miljun persuna ġew infettati bil-Covid-19. 

Maltija li tgħix fir-Renju Unit, meta tkellmet ma’ talk.mt qaltilna li “qed inħossuna li sejrin lura għal xhur ilu. Filli iċċelebrajna u tnaqqsu r-restrizzjonijiet u issa qed nisimgħu u naraw li hawn allarm x’se jiġri fix-Xitwa li tinstab ftit ġimgħat bogħod. Għadha kif tkellmet Dr Layla McCay, Policy Director tan-National Health Service Confederation u din iddikjarat b’mod ċar li hemm tħassib x’jista’ jiġri fix-Xitwa. Din qed titkellem fuq i-bżonn li l-gvern jaġixxi.”

Il-Maltija tgħidilna li “qed jissemmew diversi kwistjonijiet għaliex qed isseħħ dan.  Fost dawn hekk il-fatt li l-protezzjoni tat-tilqim qed tnaqqas peress li għaddew ammont ta’ xhur u l-Ingiterra kienet fost tal-bidu li bdiet tlaqqam. Qed isemmu l-varjant ġdid Delta Plus, li ukoll qed ikompli jinfirex.”

Saħqet li “qed jintefa’ piż kbir għa dak li qed jiġri fuq id-dewmien biex jiġu mlaqqmin l-istudenti tas-sekondarja. Fifatt bdew jikkwotaw statistika li tgħid li f’ġimgħa f’Ottubru student minn kull 16 tas-sekondarja kien infettat bil-Covid. Hemm min qed jargumenta li r-restrizzjonijiet tneħħew kmieni wisq”.

Intant minn riċerka magħmula mill-Aġenzija tas-Sigurtà tas-Saħħa fir-Renju Unit, qed jingħad li l-varjant ġdid imsejjaħ Delta Plus jidher li jinfirex iktar malajr mill-Varjant Delta. L-istess aġenzija qalet li poġġiet dan il-varjant taħt il-kategorija “varjant taħt osservazzjoni” u dan biex jirrifletti r-riskju li offri.

Irid jingħad li m’hemm l-ebda evidenza li dan il-varjant qed iwassal għal kundizzjonijiet iktar serji tal-Covid19. 

Sport