Tuesday, April 16, 2024

Il-Covid-19 u l-Kura tal-Ħalq

Aqra wkoll

Kollaborazzjoni miġjuba lilkom minn: Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, BSc (Hons) Rad; M.D. (Radjografa u Tabiba) u Dr.Jake Borg Falzon B. ChD (Dentist)

Minn fejn oriġina l-Coronavirus u x’inhuma s-sintomi tal-marda Covid19?

Il-coronavirus huwa virus, li origina minn Wuhan, fiċ-Ċina f’Dicembru 2019, u li huwa ġenetikament simili għall-virus tas- Severe Acute Respiratory Syndrome (SARS). Sfortunatament, infirex wkoll barra miċ-Ċina, f’diversi kontinenti oħra, u saħansitra f’pajjiżna.

Il-coronavirus primarjament jikkawża sintomi respiratorji, li huma simili ta’ l-influwenza, bħal sogħla vojta, qtugħ ta’ nifs, jew deni. Riċentament, sabu wkoll li ċerti pazjenti fil-bidu, jistgħu jbatu biss minn sintomi ħfief; bħal uġigħ fil-griżmejn, flissjoni, jew uġigħ ta’ ras, bidla fit-tonalità, jonqsulhom is-sensi ta’ togħma u xamm, diarrhea, uġigħ fil-ġogi jew fil-muskoli, jew għejja. F’każijiet iktar rari, speċjalment fl-anzjani, jew persuni oħra li jkollhom is-sistema tal-immunità baxxa, dan il-virus jista’ jikkawża wkoll sintomi iktar gravi, bħal problemi akuti fil-pulmun jew fil-kliewi. Kien proprju minħabba dawn il-kumplikazzjonijiet li ġew irrapurtati l-imwiet konessi mal-Covid19.

Huwa veru li fiż-żgħar, hemm iktar tendenza li l-virus jibqa’ mwaħħal mas-saqaf ta’ ħalqhom?

Iva, hemm diversi każijiet irrapurtati li persuni iżgħar fl-età, irnexxilhom jikkombattu l-virus b’mod aħjar mill-anzjani, għaliex dan ma jinżilx lejn il-pulmun, u allura ma jikkaġunax komplikazzjonijiet relatati ma’ nuqqas ta’ ossignu. Dan huwa vantaġġ kbir għaż-żgħażagħ li ma jbatux minn mard kroniku, għaliex ġeneralment jkollhom is-sistema tal-immunità tagħhom b’saħħitha ħafna. Infatti, dawn kull ma jibdew iħossu huwa xi ftit tnemnim fix-xufftejn, tagħrix fil-gerżuma, jew inkella nuqqas ta’ palat fl-ikel. Dan probabbilment jiġri minħabba li l-virus ikun qed imiss ma’ xi nervituri li hemm fil-ħalq.

X’għandna nagħmlu biex nieħdu ħsieb il-kura tas-snien u tal-ħalq inġenerali? 

Li nżommu ħalqna nadif huwa importanti daqs l-indafa tal-idejn u l-kumplament tal-ġisem, speċjalment waqt dawn il-ġranet ta’ pandemija li qegħdin ngħaddu minnhom flimkien. Il-ħalq huwa sors ewlieni ta‘ minn fejn dan il-virus jista’ jittrasmetti għall-kumplament tal-ġisem. Għalhekk li nżommu ħalqna nadif hija ċavetta biex iċ-ċans li dan il-mikrobu jinżel għall-kumplament tas-sistema respiratorja jonqos.

Aħna d-dentisti, nħeġġu lill-pazjenti tagħna sabiex jaħslu snienhom darbtejn kuljum b‘toothpaste ideali u b‘tooth brush medium. Nħeġġu wkoll il-pazjenti biex iktar minn qatt qabel jogħrku wkoll il-kumplament tal-ħalq inkluz il-ħniek, is-saqaf tal-ħalq u l-ilsien. Il-mouthrinse huwa likwidu mediku li jista’ jintuża sabiex noqtlu l-mikrobi f’dawk il-postijiet li ma jistgħux jintlaħqu sew bit-toothbrush.

X’inhu rakkomandat li wieħed juża f’dawn iż-żminijiet: il-‘mouthrinse’ jew it-‘toothpaste’? U x’inhuma l-vantaġġi ta’ kull wieħed minn dawn?

Ir-rikomandazzjoni biex nieħdu ħsieb il-kura tal-ħalq tibqa’ l-istess, jiġifieri li naħslu snienna b‘toothpaste li jirrakomandalna d-dentist u nlaħalħu ħalqna bil-mouthrinse. Huwa importanti li nużaw toothpaste li fih insibu l-flouride. Dan għandu jkun wieħed mill-ingredjenti li nsibu fil-lista fuq l-istess toothpaste. Apparti mit-tindif tal-ħmieg li jkun qabad mas-snien, it-toothpaste li jkollu l-flouride jnaqqas ir-riskju mis-snien li jitħassru u jsewwi ċerti toqob zgħar li jkunu diġà bdew jiffurmaw fis-sinna. Hawn ċerti toothpaste li jistgħu jintużaw għal kontra s-sensittività. Dan jista’ jgħin f’dawn iż-żminijiet għaliex ikollu ċertu ingredjent li jnaqqas din is-sensittività b’mod temporanju. B’hekk wieħed jista’ jevita li jmur għand id-dentist, liema dentist jkun jista’ jikkura każijiet iktar ta’ emerġenza minn sempliciment sensittività.

Il-mouthwash għandu l-vantaġġ li peress li hu prodott likwiduż, dan ikun jista’ jidħol f’postijiet fil-ħalq li ma jistgħux jintlaħqu bit-toothbrush tradizzjonali. Apparti minn hekk, dan ikollu l-fluoride u chlorhexidine li jfejqu l-ħanek li jkollu bidu ta’ mard jew infjammazzjoni.

Ċertu studji wrew ukoll li l-hydrogen peroxide meta jitħallat mal-ilma jista’ wkoll joqtol il-viruses li jkollna fil-ħalq. Tajjeb li titkellem mad-dentist tiegħek dwar l-użu ta’ kwalinkwe prodott.

X’ghandu jagħmel xi ħadd li jibda jissusspetta li hu, jew xi nies qrib tiegħu, qed ibatu minn dan l-istess virus?

Huwa importanti li wieħed jibqa’ jistrieħ id-dar, jevita kuntatt dirett man-nies ta’ madwaru, u jikkuntattja lill-helpline ‘111’ minnufih. Jekk ma jkunx qed ibati minn sintomi urġenti jew gravissimi, għandu jevita’ li jmur ġo kliniċi privati, il-berġa, jew l-isptar ħalli nevitaw li jinxtered il-virus ġo spazji konfinati.  Wieħed jista’ wkoll jikseb iktar informazzjoni fuq il-Coronavirus, mid-Dipartiment tal-Prevenzjoni u Kontroll ta’ Mard Infettiv, billi jċempel direttament fuq 21 324 086, jew iżur is-sit www.covid19malta.info

Jekk inti anzjan, jew persuna vulnerabbli li tgħix waħdek u ma għandekx qraba jew ħbieb li jistghu jagħmlulek xirjiet u għandek bżonn provista ta’ ikel bnin, bħall-frott u ħaxix, tista’ ċċempel għal aktar għajnuna fuq 2590 3030.

F’każ li wieħed jiġi bżonn ta’ affarijiet bażiċi, bħall-ikel jew mediċina, waqt li qiegħed fi kwarantina mandatorja, jista’ jċempel dirett fuq 2204 2200 jew 21 411 411, għal aktar għajnuna.  Huwa importanti wkoll, li kull każ ta’ ksur ta’ kwarantina mandatorja, jiġi rrapurtat minnufih b’email fuq [email protected] jew permezz ta’ telefonata fuq 2294 4504 jew 2294 4511.

Każijiet oħrajn ta’ folol ta’ nies miġburin f’postijiet pubblici jistgħu jiġu direttament irrapurtati lill-pulizija fuq: 22 944 504 jew 22 944 511, sabiex dawn l-uffiċjali jkunu jistgħu jieħdu azzjoni, u jmorru fuq il-post, biex jferrquhom minnufih.

Ghandkom xi messaġġi siewja oħrajn għall-pubbliku?

Pariri minn Dr. Georgiana: Peress li ma għad hawn l-ebda kura għall-Covid19, huwa importanti li wieħed jobdi r-regoli kollha tal-awtoritajiet pubbliċi, jahsel idu u jiddisfetta affarijiet li juża spiss, japplika l-miżuri kollha  biex iżomm id-distanzi soċjali u ma joħrogx mid-dar bla bżonn, u kif wkoll; iżomm is-sistema immuntarja tieghu b’saħħitha, billi jiekol ikel bnin li hu għoli fil-Vitamina C/Zinc/Vitamina D, inaqqas l-istress, ma jpejjipx, jorqod bejn 6 u 8 sighat kuljum, u jeżerċita ruħu regolarment.

Nixtieq nħeggigkom biex tevitaw li xxerrdu aħbarijiet online, jew inpersona li ma jkunux veri u mhux approvati xjentifikament, għaliex dan qed joħloq konfuzjoni u allarm bla bażi, fost il-membri tal-pubbliku. Jiena ħassejt il-bżonn li nniedi servizz voluntarju fuq il-blog tieghi, www.facebook.com/be.heart.healthy fejn dawk kollha li jkollhom xi dubji dwar aħbarijiet foloz, jkunu jistgħu jivverifikawhom miegħi stess.

Nixtieq nsemmi wkoll is-servizz bla hlas tal-mental wellbeing helpline, li infetaħ apposta fuq is-servizzi tal-1770 / 1772, biex jgħin lil dawk kollha li qed ibatu minn solitudni, stress, dipressjoni jew anzjetà relatata mal-Covid-19.

Pariri minn Dr. Jake: Nixtieq nenfazziza li iktar min qatt qabel l-indafa orali hi importanti daqs l-indafa tal-kumplamanet tal-ġisem. B’hekk inkunu nistgħu nipprevenu li nimirdu aħna stess jew nkella li nittrasmettu dan il-virus lil ħaddieħor. Nissuġerixxi wkoll li f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija nattendu l-klinici tad-dentist, dejjem f’każijiet urġenti u ta‘emergenza. Dan sabiex ma jkunx hemm iffullar kbir fil-klinċi tagħna u b’hekk nkunu qed nirrispettaw is-social distancing.

Li nieħdu ħsieb l-kura tal-ħalq tagħna d-dar u li nikkontrollaw id-dieta tagħna, speċjalment billi nnaqqsu l-prodotti tal-ikel li jkollhom ħafna zokkor, tippreveni milli jkollna ċertu komplikazzjonijiet bħal uġigħ u nefħiet bil-ħalq, li jkunu jridu kura immedjata. Nenfazziza wkoll li aħna d-dentisti qegħdin hemmhekk biex ngħinu lil kull min ikollu bżonn. Hawn għazla vasta ta’ kliniċi li jistgħu jgħinukom anke f’dawn iż-żmien. Tiddejqux iċċemplulna sabiex tistaqsu għal aktar għajnuna jew informazzjoni. Ftakru wkoll li ahna d-dentisti għandha l-obbligu li nżommu l-klinici tagħna ndaf tazza sabiex il-pazjenti taghna jkunu protetti mhux biss minn dan il-virus, imma minn kull mikrobu ieħor.

Ejjew, lkoll nagħmlu kuraġġ lil xulxin għax flimkien biss, nistgħu nirbħu lill-Coronavirus.

Ekonomija

Sport