Sunday, December 22, 2024

Il-faċċata protetta f’Tigne ser tinżamm u se jsirilha restawr

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa fl-aħħar sigħat, b’referenza għal rapporti “skorretti” li jappartjenu l-applikazzjoni tal-iżvilupp approvata reċentement mill-Kummissjoni tal-Ippjanar ta’ proprjetà f’Tigne, Tas-Sliema, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qalet li l-faċċata skedata Grad 2 ta’ proprjetà f’Tigne se tinżamm kollha kemm hi u tiġi restawrata bħala parti minn proġett ta’ żvilupp li se jinkludi l-bini ta’ erba’ sulari addizzjonali u penthouse fuq in-naħa ta’ quddiem.

L-applikazzjoni ġiet approvata skont id-deċiżjoni meħuda mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar wara li l-Kummissjoni tal-Ippjanar kienet irrifjutat l-applikazzjoni.

Il-binja ‘Maronna’ f’Tas-Sliema

L-Awtorità tal-Ippjanar spjegat li l-applikazzjoni approvata tiżgura li d-disinn tas-sulari addizzjonalment fi Triq Tigne u Triq Sant’Antnin ikun koerenti mal-faċċata eżistenti tal-proprjetà li l-Awtorità kienet skedata f’Ġunju 2018. L-Awtorità kienet skedat il-faċċata ta’ din il-proprjetà wara li ġiet sottomessa applikazzjoni għat-twaqqigħ tal-bini kollu minħabba d-deterjorazzjoni tiegħu.

Flimkien ma’ din il-binja ‘Maronna’, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ipproteġiet ukoll il-faċċata ta’ żewġ proprjetajiet oħra ġirien jiġifieri ‘Lavinia’ u ‘Licinia’. It-tliet proprjetajiet kollha għandhom tip uniku ta’ arkitettura Art Deco iddisinjat minn Filippo Tortell fil-bidu tas-snin 30.

Is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali tat il-kunsens tagħha għal dan il-proġett u l-istil arkitettoniku se jinżamm kollu.

Ekonomija

Sport