Monday, December 23, 2024

Il-Forzi Armati ta’ Malta se jibdew jitħallsu għal sigħat żejda li jaħdmu

Aqra wkoll

Il-Forzi Armati ta’ Malta se jkunu qed jitħallsu għal sigħat żejda li huma se jkunu qed jaħdmu. Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri f’filmat li huwa ppubblika fuq il-midja soċjali.

Huwa tenna li f’dan il-perjodu l-irwol tal-forzi tal-ordni qed issir aktar ċentrali fil-ħidma tal-pajjiż ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Żied jisħaq li l-forzi tal-ordni huma l-unika forza tal-ordni li ma jitħallsux għal sigħat żejda li huma jaħdmu.

Qal li għaldaqstant iltaqa’ mat-taqsima li tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema fil-General Workers’ Union u ntlaħaq ftehim biex jibdew jitħallsu għal sigħat żejda li huma jaħdmu.

Intant is-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Ufficjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Ligi fi ħdan il-GWU Theo Vella laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern aċċetta l-proposta tal-unjin li kull suldat li se jaħdem sigħat addizzjonali mas-sigħat normali tax-xogħol tiegħu jitħallas tas-sigħat żejda.

Vella qalilna li wara li l-unjin bagħtet il-korrispondenza tagħha lill-Ministeru, fi ftit sigħat il-Ministru Byron Camilleri sejjaħ laqgħa b’urġenza biex jinforma lill-unjin u l-amministrazzjoni tal-Armata li l-gvern qabel mal-proposta tal-unjin u beda l-proċess mal-Ministeru tal-Finanzi.

Huwa saħaq li l-Forzi Armati ta’ Malta huwa l-unika Korp dixxiplinat li ma jitħallas għas-sigħat żejda li jaħdmu iżda normalment jiġu kkumpensati b’time off in lieu (TOIL). Vella temm jirringrazzja lill-membri kollha tal-Armata, lill-Kumitat għall-AFM fi ħdan il-GWU u lill-Ministru Camilleri u l-Prim Ministru Robert Abela li fehmu s-sitwazzjoni u laqgħu l-proposta f’perjodu qasir.

Ekonomija

Sport