L-istudju dwar l-Istat tan-Nazzjon, din is-sena daħal fil-ħames edizzjoni tiegħu. Il-konklużjonijiet li nstabu f’dan l-istudju kienu analizzati waqt konferenza nazzjonali li saret ftit tal-jiem ilu taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Dan l-istudju għandu l-għan li jinftiehem aktar x’inhu dak li jsawwar il-poplu u dak li jinfluwenzah fl-opinjonijiet tiegħu. Il-kampjun ta’ din is-sena ttieħed fost 1,064 persuna biex kemm jista’ jkun, il-konklużjonijiet ikunu aktar qrib il-fatti.
Dettalji dwar dan l-istudju ngħataw mill-Prof. Vincent Marmarà f’intervista ma’ IT-TORĊA, liema studju din is-sena ffoka b’mod partikolari fuq it-tema tal-edukazzjoni mill-aspett ħolistiku fis-sens li l-edukazzjoni m’għandhiex titqies biss bħala eżerċizzju fuq il-bankijiet tal-iskola imma wkoll il-mixja sħiħa tal-persuna kollha kemm hi.
Waqt din il-konferenza, l-użu tal-midja soċjali qanqal ċertu diskussjoni tant li madwar 80% tal-persuni bejn is-16 u l-25 sena qalu li jagħmlu użu kemm mill-Facebook, Tiktok u Instagram. F’dan l-istess kuntest, kważi l-istudenti kollha jagħmlu użu mill-mezzi tal-midja soċjali.
F’dan l-istudju ħareġ ċar is-sehem li għandha l-familja fis-soċjetà, li din baqgħet l-aktar sors ċentrali fejn jiġu diskussi problemi familjari u jkunu formalizzati l-opinjonijiet biex in-nies jieħdu l-aktar għażliet importanti f’ħajjithom. Dan b’kuntrast mal-fatt li n-nies ma tantx iħossuhom komdi jiddiskutu l-problemi tagħhom mal-kollegi tax-xogħol.
Ir-riċerka tal-Istat tan-Nazzjon qed turi wkoll b’mod ċar li n-nies jirrikonoxxu li l-aktar edukazzjoni importanti tiġi mill-familja, u l-inqas mill-midja soċjali. Madanakollu, il-midja soċjali qiegħda tħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħin li jħalli xi forma ta’ frott f’ħajjitna, fuq il-ħsieb kritiku tagħna u fuq kemm aħna kapaċi niffukaw.
Prof. Marmara spjega li madwar nofs il-poplu ddikjara li jippjana ħajtu mentri n-nofs l-ieħor qalu li jgħixu ġurnata b’ġurnata. Dan filwaqt li 72% tal-poplu qalu li huma kuntenti b’ħajjithom.
Mill-istess stħarriġ ħareġ li s-sena 2025 hi l-aktar sena li n-nies qalu li jħossuhom li rnexxew f’ħajjithom (73.9%). Tul dawn l-aħħar tliet snin kienet osservata żieda f’dawk li qalu li jaħsbu li ħa jkunu qed jgħixu ħajja aħjar fi żmien sena (39.1% – 2023 għal 47.0% – 2025). Madanakollu, bejn is-sena l-oħra u din is-sena s-sitwazzjoni hija waħda simili. Dawk li huma iżgħar fl-età huma l-aktar pożittivi li se jkunu qed jgħixu ħajja aħjar fi żmien sena (79.1%). Il-maġġoranza tan-nies jaħsbu wkoll li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa (63.6%).
Mistoqsija dwar il-livell tal-għajxien tagħhom, 76% tal-poplu qalu li jħossu li l-livell tal-għajxien tagħhom hu mal-medja u 16% wieġbu “ogħla mill-medja”.
Il-maġġoranza tan-nies qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom baqgħet l-istess imqabbla ma’ sena ilu (47.6%), 34.8% qalu li marret għall-aħjar u 17.6% qalu li marret għall-agħar. Il-persentaġġ ta’ persuni li jqisu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom bħala ‘aħjar’ qed ikompli jiżdied matul is-snin, li jindika tendenza pożittiva tal-istat finanzjarju personali tan-nies.
Prof. Marmarà tkellem ukoll dwar ir-reliġjon u nnota kif il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ qalu li jemmnu f’Alla (90.9%). Madanakollu qed jagħtu inqas importanza lir-reliġjon meta jiġu biex jifformaw l-opinjonijiet u jiddeċiedu dwar dak li huwa tajjeb jew le.
L-istħarriġ wera wkoll li n-nies qed jagħtu inqas importanza lill-politika, iżda ftit inqas minn tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu qalu li huma se jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Huma biss 8.2% tan-nies li qalu li mhux se jivvutaw.
Fost il-poplu, l-aktar aspett importanti fil-kultura Maltija huma l-festi tal-irħula u l-ibliet kif ukoll il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira filwaqt li l-inqas importanti huwa l-Karnival.
Diskussjoni oħra li qajmet interess kienet dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u ċ-ChatGPT fost l-oħrajn. Prof. Marmara qal li hawn irridu nistaqsu: “L-użu tal-intelliġenza artifiċjali qiegħed jintuża biex nevitaw li naħsbu u b’hekk niffrankaw il-ħin u b’hekk ikollna aktar ħin fuq il-midja soċjali? Videos ta’ ftit sekondi, wieħed bħal ieħor, wieħed simili għal ieħor… kollox maħsub biex tara dak li tixtieq inti biss. Eżempju perfett biex wieħed jitlef l-attenzjoni fit-tul, biex wieħed jaħseb b’mod kritiku, u b’hekk inqas nies jitgħallmu jiffukaw. Għad għandna paċenzja niffukaw?”.
Huwa nsista wkoll li l-użu tal-AI bħaċ-ChatGPT għandhom ikunu mgħallma minn età żgħira. Tenna li bħalma daħlu għodod oħra, l-użu tal-AI wkoll irid jidħol bħala għodda, li permezz tagħha tista’ tkun aktar effiċjenti sabiex persuna jkollha aktar ħin taħseb biex ix-xogħol li tagħmel ikun ta’ kwalità ogħla.