Fil-Palazz Verdala tħabbru r-riżultati tat-tielet stħarriġ xjentifiku dwar l-istat tan-nazzjon mill-istatistiku Dr Vincent Marmarà. Dan l-istudju jikkonsisti f’kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ‘l fuq. Il-margin of error huwa ta’ +/-3%.
Dr Marmarà żied jispjega li l-maġġoranza tan-nies qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom din is-sena baqgħet l-istess meta mqabbla ma’ sena ilu (42.7%), 26.7% qalu li marret għall-aħjar u 30.6% qalu li marret għall-agħar.
Il-familja hija l-aktar sors imfittex min-nies sabiex dawn jieħdu deċiżjonijiet importanti. (75.6%). Barra minn hekk, ħafna mid-deċiżjonijiet importanti ma jiġu diskussi ma’ ħadd u l-persuna tieħu deċiżjoni waħedha (50.9%). L-inqas mod popolari kif jittieħdu deċiżjonijiet huwa: mal-kollegi tax-xogħol (1%). Is-sitwazzjoni hija ħafna simili għas-snin preċedenti.
Għall-kuntrarju tas-snin ta’ qabel (fejn id-dħul mill-impjieg kien l-aktar importanti), is-sodisfazzjon li jagħtik ix-xogħol huwa l-aktar fattur importanti fis-sena 2023.