Thursday, March 28, 2024

“Forsi nara n-neputija ta’ sena u ħames xhur timxi”

In-nanna ta’ Jasmine Grech, tifla b’kundizzjoni newroloġika

Aqra wkoll

“Forsi nara n-neputija ta’ sena u ħames xhur timxi,” qalet in-nanna ta’ Jasmine Grech, tifla b’kundizzjoni newroloġika, meta ltaqgħet ma’ Bjorn Formosa.

Iddikjara dan Bjorn Formosa stess, f’kitba u ritratt li qasam fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, fejn ħabbar li l-fondazzjoni ALS+ xtrat apparat lil Jasmine sabiex ikun jista’ jgħinha biex tqum fuq saqajha u timxi.

F’intervista li kellhom ftit tal-ġimgħat ilu ma’ dan is-sit, Stefanie u Anthony Grech, il-ġenituri tagħha, spjegawlna li appena rat id-dawl tad-dinja nhar it-3 ta’ Jannar tal-2022, it-tifla ltaqgħet mal-ewwel komplikazzjoni: ma bdietx tieħu nifs sew u spiċċat trasferità fl-NPICU. L-omm spjegat ma’ talk.mt li waqt illi binthom kienet qed tinżamm l-NPICU, it-tobba semmewlhom il-kunċett ta’ neuroplasticity: “Dan ifisser li fejn il-moħħ ikollu l-problemi, partijiet oħra tal-moħħ jieħdu x-xogħol ta’ dawk il-biċċiet li forsi mhux qed jaħdmu kif suppost”.

Ritratt: Roger Azzopardi – Talk.mt

Hija kompliet tfisser li sabiex tkun possibbli li ssir din il-ħaġa jeħtieġ li l-persuna tkun esposta għat-terapija: “Għalhekk aħna ninvestu ħafna fit-terapiji … huma ħa jgħinuha biex hi tkun tista’ timxi ‘l quddiem,” saħqet l-omm. Infatti, il-ġimgħa għal Jasmine tikkonsisti f’varjetà ta’ terapiji li l-maġġorparti tagħhom jinkludu: il-fiżjoterapija, terapija tat-taħdit, l-occupational therapy, l-early intervention, l-aqua therapy, il-chiropractor, kif ukoll terapija biex tkun tista’ titgħallem tiekol. Aktar informazzjoni dwar Jasmine minn: https://talk.mt/jixtiequ-li-t-terapija-li-bbenefikat-minnha-binthom-tkun-accessibbli-fpajjizna-ghall-familji-maltin/

Fl-aħħar jiem, il-ġenituri taċ-ċkejkna, permezz ta’ kitba li qasmu fuq il-paġna Jasmine’s Journey ħabbru li jeħtieġu l-għajnuna tal-poplu Malti sabiex binthom tkun tista’ tirċievi trattament mediku ‘l barra minn xtutna li fil-fehma tagħhom, fid-dawl tar-riċerka intensiva li għamlu f’dawn l-aħħar xhur, jista’ jtejjeb il-kundizzjoni ta’ Jasmine.

Jekk tixtieq tgħin, tista’ tagħti d-donazzjoni tiegħek permezz ta’ bank transfer jew Revolut fuq +35677991456, jew hawn.

Ekonomija

Sport